Il-Ministru José Herrera u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qassmu għotjiet lil ħames NGOs għal proġetti li jippromwovu l-konservazzjoni tal-għasafar slavaġ. B’kollox ingħataw €106,188 lill- organizzazzjonijiet lokali volontarji FKNK, KSU, Birdlife Malta, Nature Trust Malta u l-club Falconry Fridericus Rex għal proġetti li jvarjaw minn kampanji edukattivi fuq il-konservazzjoni tal-ispeċi tat-tajr għall-installazzjoni ta’ bejtiet għall-għasafar, għal inizjattivi biex titqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà tal-kaċċa u l-immaniġġjar ta’ għasafar tal-priża u għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-ispeċi tal-Barbaġann.
Il-Ministru José Herrera enfasizza li b’dawn it-tip ta’ skemi, il-fondi jgħinu b’mod dirett lill-NGOs biex jimplimentaw il-proġetti tagħhom. Spjega li l-finanzjament ta’ din l-iskema ġej mill-penali miġbura minn reati relatati mal-kaċċa li issa qed jiġu mgħoddija lura għall-konservazzjoni. “Matul konferenza dwar il-kriminalità tal-wildlife li saret sentejn ilu f’Hague, Malta impenjat ruħha li tistabilixxi fond għall-konservazzjoni tal-għasafar bħala wildlife deal. F’Mejju tas-sena l-oħra ġiet imnedija sejħa għall-proposti u kien hemm interess sostanzjali mill-NGOs. Illum, qed naraw proġetti konkreti li se jibbenefikaw mill-konservazzjoni”, qal il-Ministru Herrera.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri jinsab fiduċjuż li din l-inizjattiva għall-konservazzjoni se tkompli tikber b’suċċess u għandha tipproduċi l-ewwel frott tagħha fi żmien ftit xhur. Clint Camilleri rringrazzja lill-Wild Birds Regulation Unit u lill-Kumitat tal-Fond tal-Konservazzjoni tal-Għasafar li ħadu din l-inizjattiva u awgura lill-ħames NGOs li jtemmu b’suċċess il-proġetti tagħhom.
Id-disa’ proġetti proposti mill-NGOs se jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Salvaġġi. Il-Fond jipprovdi assistenza finanzjarja lill-NGOs reġistrati biex jappoġġjaw inizjattivi li jikkontribwixxu l-konservazzjoni ta’ għasafar slavaġ, ta’ governanza tal-kaċċa sostenibbli u tal-edukazzjoni u tar-riċerka relatata ma’ speċi ta’ għasafar. Il-proġetti mistennija jitlestew fi żmien sena miċ-ċerimonja tal-lum.