Sewwieq ta’ mutur qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq San Anard, Ħal Tarxien, għall-ħabta tat-8:10 ta’ dalgħodu.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li sewwieq ta’ mutur tat-tip Vespa ħabat ma’ karozza tat-tip Nissan.
Xi persuni fuq il-post tal-inċident, saħqu ma’ ONE News li x-xufier tal-mutur deher li kien qed isofri minn xi uġigħ tant li ma setax iqum minn mal-art mingħajr l-assistenza medika.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.