Il-Maltin huma kontra l-abort. Dan ħareġ fi stħarriġ tal-ġurnal Maltatoday.
Meta mistoqsija jekk jaqblux mal-abort fl-ewwel tliet xhur tat-tqala, ħamsa u disgħin fil-mija tal-Maltin intervistati wieġbu fin-negattiv. Dan in-numru żdied għal sebgħa u disgħin fil-mija meta mistoqsija jekk jaqblux mal-abort f’kull fażi tat-tqala.
L-età tal-omm ma biddlitx wisq il-ħsieb, hekk kif tlieta u disgħin fil-mija baqgħu kontra l-abort anke għal tfajliet ta’ anqas minn sittax-il sena.Madankollu n-numri ta’ dawk li jopponu l-abort bdew jonqsu meta mistoqsija jekk jaqblux mal-abort jekk it-tarbija tkun se titwieled b’diżabbiltà. L-aktar li jaqblu ma’ dan huma nies bejn l-etajiet tas-sitta u tletin u ħamsin sena.
F’każi fejn il-mara toħroġ tqila kawża ta’ stupru wieħed u sebgħin fil-mija ta’ dawk mistoqsija xorta baqgħu kontra l-abort.
Madankollu l-folja nqalbet kompletament meta mistoqsija dwar x’għandu jsir meta ħajjet l-omm tkun f’periklu. Hawnekk ħamsa u erbgħin fil-mija qablu mal-abort, meta mqabbel mas-sebgħa u għoxrin fil-mija ta dawk li kienu kontra.
Dan l-istħarriġ jaqbel sew mal-opinjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat fejn fi tweġiba għall-Kummisarju Ewropew għad-Drittijiet Umani kien qal li l-abort mhux fuq l-agenda tal-Maltin.