Ġew irtirati d-direttivi tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel għal azzjoni ta’ strajk mill-infermiera tat-teatri fl-isptarijiet.
Il-ftehim tħabbar fi tweet mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li qal li l-iżblokk wasal wara taħditiet li saru matul il-jum mal-awtoritajiet tas-saħħa.
L-azzjonijiet industrijali tħabbru fil-jiem li għaddew mill-MUMN minħabba nuqqas ta’ infermiera fis-swali tal-operazzjonijiet.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea kkonferam li l-unjin ssospendeit l-azzjonijiet industriajli wara li ġie assigurat li sal-aħħar tax-xahar se tkun qed tidħol sistema ġdida ta’ kif jaħdmu l-infermieri fit-teatri.
Intant b’reazzjoni għall-azzjonijiet industrijali mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-Gvern qal li l-MAM mhix konsistenti fl-argumenti tagħha, hekk kif wara xhur tisħaq li ma tridx lil Vitals Global Healthcare tmexxi tliet sptarijiet Maltin minħabba li skont huma m’għandhom l-ebda esperjenza medika, issa ma tridx li dawn l-isptarijiet ikunu taħt it-tmexxija ta’ Steward Healthcare, kumpanija Amerikana b’esperjenza twila fil-qasam tas-saħħa.
Il-MAM fil-fatt qed titlob li ma jseħħx it-trasferiment għal għand Steward u allura jibqgħu jmexxu l-VGH.
Waqt taħditiet li saru l-Ġimgħa, il-Gvern offra lill-MAM biex jaraw il-kuntratti kollha u sħaħ li ġew iffirmati bejn il-VGH u l-Gvern Malti.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, Martin Balzan, ma aċċettax din l-istedina, bil-Gvern isostni li l-MAM mhijiex qed tkun konsistenti lanqas dwar il-punt tat-trasparenza.
Il-Gvern sostna li wara dawn it-taħditiet u għalkemm offra lill-MAM jaraw il-kuntratt, l-Assoċjazzjoni ddeċidiet li tibqa’ għaddejja bit-tilwima industrijali.
Għaldaqstant il-Gvern qal li se jkun qed jirriserva d-dritt li jieħu l-passi legali neċessarji fl-interess tal-pazjenti Maltin u Għawdxin li se jintlaqtu minn dawn l-azzjonijiet.
Directive for strike action by theatre #nurses withdrawn by MUMN after talks with #health authorities. Thank you to all concerned for keeping #patients’ interests foremost.
— Chris Fearne (@chrisfearne) February 2, 2018