Waħda mir-razez tal-ispeċi tal-qtates kbar magħrufa bħala Eastern cougars, li kienet tintlemaħ fl-Amerika ta’ Fuq minn Michigan sa’ South Carolina ġiet meqjusa bħala speċi estinta. Dan hekk kif tneħħiet minn fuq il-lista ta’ speċi ta’ annimali li jisnabu f’riskju li jinqerdu t-Tnejn li għadda, 80 sena wara li ntlemħet l-aħħar Eastern cougar.
Din ir-razza ta’ qattusa, li hi magħrufa wkoll bħala ljuni tal-muntanja, puma jew pantera, kienet iddur kull stat li jmiss max-xmara ta’ Mississippi iżda sal-1900 l-ispeċi kważi sparixxiet u dan minħabba l-kaċċa.
L-aġenzija U.S Fish and Wildlife Service ilha għaddejja b’rapport estensiv mill-2011 dwar l-easter cougar sabiex tistabbilixxi x’ġara minn din l-ispeċi.
Din l-ispeċi kienet imniżżla fuq il-lista’ ta’ speċi fil-periklu li jiġu estinti fl-1973, anke jekk kienu ilhom ma jintlemħu tlettin sena. L-aħħar li ntlemħu kienu fis-sena 1938 f’Maine minn kaċċatur.