Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis stqarr li minkejja li matul din is-sena se nkunu qed niċċelebraw il-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, għad fadal ħafna xi jsir u huwa għalhekk li huwa meħtieġ li ssir Riforma fil-Kunsilli Lokali. Parnis kompla jgħid li hu jħoss li din ir-Riforma ma tistax isseħħ b’mod sħiħ mingħajr l-involviment tal-Eks Sindki. Wara kollox dawn taw kontribut kbir lill-Kunsilli Lokali u jemmen li għad fadlilhom ħafna iżjed x’jagħtu. Silvio Parnis stqarr ukoll li l-ideat u l-opinjonijiet tal-Eks Sindki se jgħinu biex din ir-Riforma tkun waħda effettiva u li terġa’ tagħti nifs ġdid lill-Kunsilli Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li jemmen ħafna li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu Gvernijiet Lokali. Dan ifisser li wieħed ma jridx iħares lejn il-Kunsilli daqslikieku dawn qishom xi kumitat tal-lokal. Il-Kunsilli huma Gvernijiet tal-lokal li finalment se jwasslu għal titjib fil-ħajja tar-residenti. Sabiex isir dan madanakollu, irridu naraw li s-Sindku jkollu aktar ħin x’jiddedika għar-residenti u għal-lokalità. Fir-Riforma li se nkunu qegħdin inħejju, rridu naraw li kemm is-Sindku kif ukoll il-bqija tal-membri tal-Kunsill ma jkunux hemm biss biex iservu bħala ‘customer care’ iżda jkunu hemm biex jieħdu d-deċiżjonijiet li finalment se jolqtu u jaffettwaw lil-lokalità tagħhom. Huwa għalhekk li aħna qegħdin nipproponu li s-Sindku, jekk dejjem ikun irid, jista’ jagħżel li jkun “full-time”.
Parnis tenna wkoll li hemm numru ta’ proposti fejn qed issir diskussjoni dwar iż-żieda tas-saħħa u r-responsabbilitajiet lir-Reġjuni tagħna, li se tkun kruċjali. Tenna jgħid li jemmen li f’din il-leġiżlatura rridu nimmarkaw ir-reġjuni tagħna, li jkunu hemmhekk bil-poteri u mingħajr ma jieħdu responsabbilitajiet li għandhom illum il-Kunsilli Lokali. Silvio Parnis kompla jgħid li se jara li l-Kunsilli Lokali ma titteħedilhom l-ebda responsabilità, iżda r-responsabbilitajiet li għandhom jingħataw ir-Reġjuni jkunu ġodda u li permezz tagħhom inkunu nistgħu verament nagħmlu d-differenza fil-lokalitajiet tagħna. Qal ukoll li attwalment għandna ħames Reġjuni, imma aħna nemmnu li għandna mmorru għal sitt Reġjuni. Nemmnu li l-President tar-Reġjun irid ikun ukoll full-time u ma jkunx is-Sindku jiġifieri mhux ikun Sindku u President tar-reġjun fl-istess ħin iżda jew kariga jew oħra.
Din hija waħda mill-proposti li se nressqu aħna għad-diskussjoni fil-white paper. Il-President tar-Reġjun għalhekk, filwaqt li jiġi nnominat mill-partiti politiċi, irid ikun President li jkollu l-ħiliet meħtieġa Irridu verament nagħmlu bidla mill-qiegħ f’din ir-Riforma, li ma tkunx waħda kosmetika.
Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li qal li dan il-gvern qed juri li jemmen bis-serjetà fil-gvern lokali u li t-tisħiħ fil-gvern lokali jfisser it-tisħiħ mhux biss tad-demokrazija lokali iżda wkoll rikonoxximent lejn iċ-ċittadin.