Id-Direttorat tal-Enerġija tal-Kummissjoni Ewropea Catharina sikow-Magany ddikjarat Malta kellha l-aqwa applikazzjoni minn fost ħamsa u għoxrin proposta Ewropea għall-finanzjament ta’ proġetti marbuta mas-settur tal-enerġija.
L-applikazzjoni ta’ Malta għal finanzjament ta’ studji dwar il-pipe line tal-gass bejn Malta u Sqallija kisbet fost l-ogħla punteġġi tant li l-proġett ta’ Malta kiseb aktar minn tliet miljun ewro u nofs jew nofs l-ispiża neċessarja għal dawn l-istudji.
F’filmat imxandar f’konfereza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar il-proġett, il-Kap tat-Taqsima fid-direttorat tal-Enerġija tal-Kummissjoni Ewropea Catharina Sikow-Magny għarrfet il-professjonalità fil-proposta Maltija.Id-Direttur Ġenerali tal-istess Direttorat Dominique Ristori qal li fl-aħħar snin pajjiżna kellu r-rieda li jagħmel bidla importanti f’qasam tant importanti. Qal li b’dan il-pipeline se jgawdu n-nies u n-negozji Maltin, għaliex se jżid il-kompetittività, inaqqas l-iżolament enerġetiku ta’ Malta, u jiżgura l-provvista tal-elettriku.
Il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi qal li t-tlieta punt sebgħa miljun ewro li se tingħata Malta jkopru nofs l-ispejjeż tal-istudji li mistennija jitlestew fis-sena u nofs / sentejn li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Daniel Azzopardi, qal li l-istudji se jittraww bosta aspetti fosthom dawk ambjentali u finanzjarji.
L-istudji huma maħsuba li jitlestew sa tliet snin oħra biex wara joħorġu t-tenders biex jibda jitqiegħed il-pipeline tal-gass li mistenni jiswa madwar tliet mija u tnejn u għoxrin miljun ewro.