B’investiment ta’ nofs miljun ewro, u mifruxa fuq ħames sulari, ġiet inawgurata showroom ġdida tal-għamara tal-kċina f’Santa Venera.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Al Sadi Fino spjega li l-kumpanija privata twaqqfet f’Awwissu tal-elfejn u sbatax u minn dakinhar ’l hawn ma ħarsux lura biex waslu għall-ġurnata li fiha l-ħolma tagħhom saret realtà.
Spjega li “Illum inħossuna kuntenti ħafna, xhur kbar ta’ xogħol li fl-aħħar rajnih jirrealizza f’dawn in-nies kollha hawnhekk ukoll li qed jgħinuna, jagħtuna kuraġġ biex il-futur inħarsu lejh b’mod pożittiv ħafna.”Dan il-proġett mhuwiex it-tmiem tal-investiment ta’ din il-kumpanija, hekk kif lejn l-aħħar ta’ din is-sena mistennija tiftaħ showroom oħra f’Birkirkara.
Biex f’sena tkun investiet mat-tliet miljun ewro.
Investiment li kien xprunat mill-id t’għajnuna li qed joffri l-Gvern f’dan is-settur.
Sostna li “Dan grazzi wkoll għal inċentivi kbar li dan il-gvern jagħti f’dan is-settur u f’din l-industrija biex jgħin l-investiment jiġi f’Malta.”
Iċ-Ċermen tal-kumpanija Majid al Sadi nnota kif l-investiment barrani f’pajjiżna qed ikun attirat minħabba tliet fatturi ewlenin.
Fl-inawgurazzjoni tas-showroom il-ġdida f’Santa Venera, il-Ministru tal-Ekonomija Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona fisser dan l-investiment bħala turija oħra tas-suċċess ekonomiku li hawn f’pajjiżna.
Semma wkoll l-impenn tal-Gvern biex ikompli jgħin aktar negozji jinvestu u saħansitra jimirħu barra mill-pajjiż.
Dan bil-għan li bħalma bassru l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija Maltija tkompli tikber.