AĠĠORNAT 2: L-EĠIZZJAN INQATEL B’TIR F’IDU U IEĦOR F’GĦONQU – One News

AĠĠORNAT 2: L-EĠIZZJAN INQATEL B’TIR F’IDU U IEĦOR F’GĦONQU

Il-Pulizija qed tinvestiga l-qtil ta’ raġel Eġizzjan ta’ tnejn u erbgħin sena u missier ta’ żewġt itfal Għawdxin li kmieni t-Tnejn filgħodu nstab mejjjet f’għadira demm f’kamra f’għalqa fl-Għarb Għawdex.

Il-katavru li ġie identifkat li hu ta’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed nstab minn sid ta’ razzett li hemm fl-inħawi għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart tat-Tnejn filgħodu.  Ir-raġel li kien jgħix iż-Żebbuġ Għawdex u kien miżżewweġ Għawdxija, instab b’żewġ tiri, wieħed f’idu u l-ieħor f’għonqu.

Fuq il-post waslu mill-ewwel il-Pulizija mid-distrett t’Għawdex iżda ż-żona kwieta malajr inbidlet f’waħda mimilija attività hekk kif bdew jaslu għadd ta’ esperti forensiċi u uffiċjali għoljin tal-Korp tal-Pulizija li telgħu minn Malta sabiex ikunu jistgħu jgħinu fl-investigazzjonijiet. Xhieda fuq il-post qalu lil One News li l-pulizija ħadu sigħat sħaħ jiflu x-xena u jiġbru l-provi marbuta ma’ dan l-ewwel omiċidju tas-sena.

Fost oħrajn, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ ONE News li l-investigaturi ġabru żewġt iskrataċċ li nstabu ħdejn il-katavru tal-Eġizzjan. Il-vittma li kien jaħdem bħala kaħħal mhux wiċċ ġdid mal-Pulzija ġie identifikat minn omm iż-żewġt uliedu fuq ix-xena tad-delitt. Minn stħarriġ li għamel ONE News huwa kellu każ pendenti quddiem il-qorti ta’ Għawdex dwar pussess u traffikar tad-droga.

Il-vittma kien involut ukoll f’każ li sentejn ilu ħasad lil Għawdex kollu. Dakinhar huwa ġie kkundannat ħames xhur ħabs wara li nstab ħati li hedded lis-sieħba tiegħu li jixħtilha l-aċtu sabiex jisfiguralha wiċċha. Dan it-theddid kien sar sabiex iġiegħel lil seħbitu sabiex twaqqaf lit-tfal tagħhom milli jattendu għal-lezzjonijiet tar-reliġjon fl-iskola primarja li jattendu.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-uffiċjali fi ħdan id-dipartiment  tal-investigazzjonijiet kriminali fosthom l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta. L-inkjesta qed titmexxa mill-Magistrat tal-Għassa Paul Coppini Dimech li ħatar bosta esperti biex jassistuh fl-inkjesta.

Huwa mifhum li l-investigaturi ser isegwu diversi linji fosthom billi jibnu l-profil tal-vittma u jaraw l-aħħar movimenti tiegħu u konnessjonijiet li seta’ kellu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend