Diversi aġenti tal-proprjetà li fl-aħħar ġimgħat għamlet kuntatt magħhom il-gazzetta KullĦadd ikkonfermaw li investituri Maltin u barranin qed jibqgħu jfittxu djar kbar u palazzi fil-Belt hekk kif mhi taqta’ xejn il-ġirja għall-ftuħ ta’ iktar boutique hotels fil-belt kapitali ta’ pajjiżna.
Jidher li studji li saru fl-aħħar xhur juru li l-ftit kmamar li jkollhom dawn il-lukandi lussużi jħallu l-eluf ta’ ewro kull lejl mhux biss għax ir-rati mhumiex irħas, iżda wkoll għax l-ispejjeż mhumiex kbar daqs dawk ta’ lukandi oħra ikbar u iktar tradizzjonali.
Tiftixa sempliċi fuq siti diversi juru li l-prezzijiet ta’ boutique hotels lussużi fil-Belt ivarjaw minn €160 kull lejl għal kważi €400 kull lejl u dan f’perjodi li mhux bilfors huma l-iktar bieżla. Saħansitra dawn il-kmamar iġibu dawn il-prezzijiet f’Novembru.
Studju li dwaru rrapurtat il-gazzetta KullĦadd rat kopja tiegħu jgħid li kamra bażika b’90% okkupanza tħalli dħul ta’ madwar €80,000 fis-sena u dan meta wieħed ikejjel b’rati li huma medji u mhux l-iktar għaljin. Dan ifisser li boutique hotel b’10 kmamar tħalli dħul ta’ madwar €800,000 fis-sena. “Huwa possibbli li taqbeż il-miljun ewro fis-sena minn lukanda bħal din,” qalilna investitur bl-istudju f’idejh li tkellem magħhna. L-investitur xtaqt li ma jkunx individwat minħabba d-dettalji li kien qed jagħti u s-suq huwa wieħed kompetittiv.
L-istudju jgħid li boutique hotel li tkun għadha tiftaħ fil-Belt tibda b’rata ta’ okkupanza ta’ madwar 35% u li ftit ftit tibda tielgħa lejn id-90%. Meta wieħed jara x’inhuma l-ispejjeż fis-sena dawn mhumiex eżorbitanti għax b’mod partikolari f’boutique hotel fejn m’hemmx servizzi bħal restorant l-ispejjeż mhumiex kbar. “Hawn profitti enormi. Ħafna ma jinvestux fir-restoranti tagħhom għax it-turist irid l-esperjenza tal-belt kapitali. Irid imur fir-restoranti ta’ lussu li hawn. Mela filgħodu wieħed ħasiblu għal breakfast imbagħad minn hemm ’il quddiem matul il-jum x’aktarx ġie biex jistrieħ, biex jagħmel dik is-siegħa jaħdem anke forsi jżomm kuntatt mal-uffiċċju, imbagħad kompla bil-btala tiegħu. Dan kollu f’ambjent mill-iktar lussuż,” kompla jkun spjegat.
Intqal lilna li l-ispejjeż huma l-ħasil tal-linen, id-dawl u l-ilma u l-manutenzjoni li fil-bidu ma tkunx daqshekk għolja, kif ukoll il-pagi. Fil-bidu għandek ukoll element ta’ reklamar.
Mistoqsi x’tip ta’ pagi jitħallsu l-investitur li tkellem magħna kien ċar. “Skont x’servizz trid. Hawn fejn qed titħallas paga minima jew ftit iktar. Imma jekk iżżid ftit il-pagi biex ikollok l-aqwa servizz daqs tazza ilma żżid ir-rati b’mod li jrendulek ferm iktar miż-żieda fil-pagi,” kompla jkun spjegat.
Naturalment wieħed irid iżomm f’moħħu li fil-bidu jkun sar investiment qawwi li f’ċerti każi jlaħħaq il-miljuni ta’ ewro. “Biex ħadd ma jaħseb li dan qligħ biss. Imma huwa investiment fit-tul. Fit-tul se jaqbillek u se ġġib sew l-investiment kapitali li tkun għamilt fil-bidu,” kompla jkun spjegat fil-bidu, bl-investitur jispjega li l-barranin huma attirati wkoll lejn Malta minħabba l-mod kif tinħadem it-taxxa. “Kollox legali, iżda vantaġġjuż,” kompla jfiehem l-investitur li fisser kif bħalissa hawn ġirja biex fil-belt kapitali jinkisbu l-aqwa proprjetajiet. Fil-fatt bħalissa hemm madwar 40 applikazzjoni oħra għall-boutique hotels fil-Belt Valletta.
Anke għax huma mħeġġa minn dak li qed jisimgħu fejn fil-ġimgħat li ġejjin, pereżempju, qed tkun irrapportata okkupanza qawwija minħabba l-festival tal-mużika barokka. Festival li jsir kull sena u li jinvolvi knejjes, katidrali u teatri fil-Belt li jiġbdu lejhom turist ta’ kwalità li għal tmiem il-ġimgħa f’Malta jkun lest jonfoq dak li għal ħafna b’paga medja jidher wisq. Iżda, li għalih tkun tagħmel sens għax l-esperjenza li tagħtih il-Belt fejn fi ftit mijiet ta’ metri kwadri jsib minn kollox mhu se jeħodha mill-ebda belt kapitali oħra fl-Ewropa.
Fuq kollox is-sigriet ta’ dawn il-boutique hotels huwa d-disinn u l-lussu. Kull hotel ikollha l-karatteristiċi tagħha. “Trid toffri prodott li ma ssibx postijiet oħra. Jekk tidħol fil-boutique hotel ta’ ħdejk trid tara xi ħaġa totalment differenti,” kompla jispjegalna dan l-investitur li qed iħares ukoll lejn boutique hotels barra l-Belt. Mistoqsi kemm huwa vijabbli dan it-tip ta’ investiment barra l-Belt wieġeb billi qal li ħafna, u ta lil Għawdex bħala eżempju. “Il-Belt trid tinvesti l-iktar u tagħtik l-iktar. Tagħtik iktar kemm bħala rati u kemm bħala okkupanza. Iżda, barra l-Belt issib proprjetajiet lussużi fil-qalba tal-irħula jew saħansitra f’żoni kemxejn rurali fejn tista’ tibda b’investiment li hu ferm inqas mill-Belt fejn il-proprjetà qed tiżdied ma’ kull ġurnata li tgħaddi,” kienet ir-risposta skjetta.
Jirriżulta li dak li fil-Belt Valletta jinkiseb għal madwar żewġ miljun ewro jista’ jinkiseb għal kwart tal-prezz f’xi żona rurali fejn jista’ jkun esplorat l-ekoturiżmu u n-nofs tal-prezz f’xi qalba ta’ raħal.