100 anzjan u anzjana attendew għal ikla ta’ żmien il-Milied li ġiet organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva flimkien mal-Kumitat dwar Għajnuna Soċjali.
Din l-inizjattiva twettqet wara li s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis żar l-anzjani li jinsabu f’residenzi u tkellem fil-qrib magħhom. Fost is-suġġetti li ssemmew kien hemm li ċerti anzjani qatt jew rari jkollhom min iżurhom.
Għal din l-inizjattiva attendew mitt anzjan, liema ikla niżlet tajjeb mal-anzjani fejn iddevertu u kielu kollha flimkien u rrakontaw memorji tal-passat. Agius Decelis irringrazzja lil kull min ta sehmu sabiex din l-ikla tkun possibbli. Huwa stqarr li din l-inizjattiva ser tibqa’ ssir kull sena fost aktar attivitajiet oħra li ser ikun hemm fil-futur, bl-għan li l-anzjani jkollhom kumpanija, nuruhom ir-rispett li jistħoqqilhom u nkomplu nisħqu fuq l-inklużjoni tal-anzjani fis-soċjetà u l-anzjanità attiva.