“Faqar ta’ ideat” fl-O Level tal-Malti – One News

“Faqar ta’ ideat” fl-O Level tal-Malti

Ir-rapport tal-eżaminaturi dwar il-ħiliet tal-istudenti li f’Mejju li għadda poġġew għall-eżami tal-Malti f’livell ordinarju jgħid li fejn tidħol il-kitba hemm faqar kbir ta’ ideat fejn uħud ma jafux jorbtu idea ma’ oħra.

“Għadd mhux ħażin bilkemm setgħu jinqraw,” jingħad fis-sezzjoni ffukata fuq il-komponiment fejn kien saħansitra innotat li xi studenti ma kitbux bil-Malti standard u daħħlu d-djalett jew il-Malti kollokjali. “Huwa mistenni li l-kandidati ta’ dan l-eżami jkunu midħla sew tad-differenzi bejn il-Malti mitkellem u l-Malti miktub standard,” jingħad f’dan ir-rapport.

Jirriżulta li ħafna studenti sabuha diffiċli biex itellgħu t-350 kelma li jitlob komponiment f’dan il-livell. “L-eżaminaturi kollha lmentaw kemm żdiedu l-kandidati li kitbu ħafna inqas minn 350 kelma. Xi kandidati qagħdu jirrepetu l-ideat biex itellgħu l-għadd meħtieġ ta’ kliem u kien hemm min ma spiċċax il-komponiment,” kompla jingħad fir-rapport li qal ukoll li xi wħud ħallewh barra.

L-eżaminaturi jgħidu wkoll li l-istudenti tal-lum mhumiex tal-bieraħ u l-midja u l-internet qed jaffettwaw il-kelma miktuba. “Il-komponimenti kienu miżgħudin bi kliem miktub ħażin u minn sena għall-oħra l-għadd ta’ kliem żbaljat ortografikament baqa’ jiżdied. Ħafna jwaħħlu fil-lingwa ta’ Facebook imma l-kandidati li jħejju rwieħhom għall-eżami tal-Malti fil-livell ordinarju jeħtieġ jistudjaw sew u jitrawmu jrażżnu l-influwenza tal-internet. Min ma jistudjax kif inhu xieraq il-Malti, m’għandux jippretendi li għandu jikseb grad ta’ eżami tajjeb,” jgħidu l-eżaminaturi li nnotaw ukoll l-użu ħażin tal-punteġġjatura.

“F’xi wħud mill-komponimenti kien hemm sentenzi twal nofs faċċata u ġieli anke ta’ paġna sħiħa,” jingħad fir-rapport kif ukoll paragrafi twal bl-ebda ħsieb ta’ waqfa. Naturalment f’dawn iċ-ċirkostanzi ftit li xejn kien użat il-Malti idjomatiku.

Għalkemm l-eżaminaturi ltaqgħu ma’ dawn l-eżempji li jħassbu mhux ftit, xi studenti marru aħjar f’sezzjonijiet oħra u r-riżultati ta’ din is-sena wrew li 68% ġabu minn grad wieħed sa ħamsa, għalkemm kienu biss 2.65% li ġabu grad wieħed.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend