Appell għar-rispett matul is-sena kollha – One News

Appell għar-rispett matul is-sena kollha

Fid-daħla tal-Belt Valletta, jumejn qabel il-Milied, il-mexxejja ta’ pajjiżna nġabru biex jawguraw lil xulxin u lill-poplu Malti xewqat sbieħ. Iddomina messaġġ ta’ għaqda u rispett. Fuq kollox il-ħtieġa li l-ispirtu ta’ għaqda li jirrenja f’dawn iż-żminijiet itul tul it-12-il xahar li ġejjin.

“Kemm hu importanti li dan il-ħsieb inżommuh is-sena kollha,” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat li fisser kif kien qed jitkellem fl-intrata tal-post fejn hu u d-deputati Parlamentari jirrappreżentaw lill-poplu. “Il-lingwaġġ u l-imġiba tagħna tagħti messaġġ lil ħaddieħor,” qal il-Prim Ministru li tenna kif fl-aħħar mill-aħħar hemm ħafna iktar li jgħaqqadna milli jifridna.

Fuq l-istess linja kien il-messaġġ tal-Ispeaker tal-kamra tar-rappreżentanti, Anġlu Farrugia. “Biex ikollok il-paċi jrid ikollok ir-rispett,” qal Farrugia li stqarr li hu mħasseb kif matul is-sena inkluż dawk li suppost jagħtu eżempju, jagħżlu kelma żejda li tista’ tagħmel ħsara. “Kelma meqjusa aħjar biex ngħixu iktar fil-paċi,” qal Anġlu Farrugia.

“Irrispettivament x’naħsbu politikament, waħda mill-isbaħ affarijiet f’dan iż-żmien tas-sena hi li ningħaqdu biex ngħinu lil dawk fil-bżonn. Dik it-tiġrija diġà bdiet u ntemmuha l-għada tal-Milied fejn se niġbru iktar flus,” qal il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru ddeskriva l-irwol tal-Community Chest Fund li tagħti u tgħin lil dawk li s-sistema ma tilħaqhomx jew is-sistema ma tkunx mgħaġġla biżżejjed biex tilħaqhom.

Il-Prim Ministru li enfasizza l-bżonn li nagħtu iktar minn qatt qabel. Dan il-messaġġ sar ukoll minn numru ta’ żgħażagħ u tfal li l-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca tathom l-ispazju tagħha biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Messaġġ ta’ tama u appell għal Milied ġenwin fejn ma ninsewx lil dawk l-inqas ixxurtjati.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adriana Delia, tkellem dwar it-tama li ta t-twelid ta’ Ġesù Kristu u kif dan hu sinifikat tal-Milied li wieħed m’għandux jinsa.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar ir-rieda tajba li nilqgħu lil Kristu u appella biex ma ninsewx il-qraba fid-djar tal-anzjani u fl-isptarijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend