Hekk kif il-Belt Valletta qamet għal jum impenjattiv ieħor, bin-nies jibdew jaslu għax-xogħol u oħrajn jibdew ir-rutina ta’ kuljum, One News segwa l-aħħar sessjoni ta’ taħriġ għal parata li se ssir illum f’Jum ir-Repubblika.
Mas-sebgħa u nofs tat-Tlieta filgħodu, il-kalma f’Misrah San Ġorġ inkisret bl-għajjat tas-suldati tal-Forza Armati ta’ Malta, li bdew jagħtu l-istruzzjonijiet sabiex jagħmlu l-passi li jiffurmaw il-koreografija mħejjija għal jum tal-Erbgħa.
Jirriżulta li hemm stennija kbira għal dak li se jseħħ waqt il-parata, bil-Logutenent Adrian Cipriott jgħid li l-aħħar darba li saret din it-tip ta’ parata f’pajjiżna kien fil-bidu tas-seklu għoxrin.
Cipriott qal “qed insejħulha speċjali għax qatt ma saret minn Malta kemm ilha Repubblika. Tissejjaħ Trouping The Presidential Colour. Hija okkażjoni li kulħadd ilu jistenna, il-preparamenti ilhom għaddejjin issa ġimgħat. Fl-aħħar waslet l-aħħar ġurnata, kienet l-aħħar rehersal u llum hija l-Big Day.”
U x’għandha speċjali din il-parata partikolari?Cipriott spjega kif “bażikament il-kulur Presidenzjali, magħruf aħjar bħala l-istandard forsi man-nies normali, kgħaddi minn quddiem in-nies biex nuru ċertu rispett, lealta’ lejn il-kulur tal-President li l-President illum ovvjament se tkun preżenti għal din il-parata.”
L-aħħar sessjoni ta’ taħriġ saret taħt l-osservazzjoni tal-Garrsion Sergeant Major Roger Mulvaney, li ħa ħsieb il-koreografija.
Huwa spjega li din hija parata kemmxejn ikkumplikata, hekk kif hija waħda mill-ikbar parati li hemm fil-manwal taċ-ċerimonjal, u għalhekk trid tgħaqqad kollox f’daqqa.
Mulvaney qal “għandek il-kulur, għandek il-proċedura u l-protokoll tal-kulur, l-officers training, it-training ranks – għandek minn tal-inqas 160 suldat fil-parata u għalekk mbagħad hemm l-AFM Band.”
Bħala mużika se jintuża r-Royal Military Slow March, li hija sinonima mat-tradizzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan filwaqt li l-Banda se ddoqq mużika oħra wkoll.
Mulvaney qal li “l-bqija l-band master jagħżel il-mużika. Ovjament tmur għand il-Kap Kmandant, jiġifieri il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta u hemmhekk ovjament jagħżlu s-siltiet tal-mużika.”
Fost din il-mużika hemm id-diska Viva Malta.
Biex b’hekk, wieħed se jkun jista’ jsegwi mill-qrib il-kulur presidenzjali, hekk kif wara tlett ġimgħat u nofs ta’ taħriġ, b’iktar minn għoxrin sessjoni, kollox jinsab lest għal Jum ir-Repubblika.