Deo Debattista preżenti għall-għeluq tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fid-Danimarka – One News

Notifiki

Deo Debattista preżenti għall-għeluq tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fid-Danimarka

Waqt iċ-ċerimonja li għalqet il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura f’Aarhus d-Danimarka, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsmatur u Valletta 2018 Deo Debattista spjega li waqt din il-mawra fehem l-impatt li dan it-titlu kellu fuq l-identità tal-Belt.

“Aarhus u l-Kapitali Maltija, Valletta, huma l-aqwa eżempju ta’ bliet storiċi b’ruħ moderna. It-tnejn huma l-post fejn isiru l-ikbar avvenimenti kulturali tal-pajjiż li jinkludu festivals b’temi differenti, teatru, u mużika, u t-tnejn huma kontributuri ewlenin lejn is-settur kulturali tal-pajjiż”, qal is-Segretarju Parlamentari.

Debattista nnota wkoll kif riċerka akkademika dwar is-suġġett tgħid li t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura tejbet id-ditta kulturali tal-belt għaliex tenfasizza d-diversità, il-kollaborazzjoni, u fuq kollox, l-iżvilupp tal-komunitajiet.

Il-Belt Valletta se ssegwi lill-belt Daniża fi ftit ġimgħat bit-tema Island-Wide Festa li se tiċċelebra l-Kultura Maltija, bil-Belt Valletta tkun iċ-ċentru ta’ dan kollu.

“Il-Fondazzjoni Valletta 2018 assigurat li l-programm jgħaqqad liċ-ċittadini flimkien biex jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet kulturali, jitgħallmu dwar il-passat tagħna, u fuq kollox nuru t-talent lokali lit-350 artist internazzjonali li se jipparteċipaw. Il-Komunitajiet, l-arti viżiva, il-prestazzjoni, l-Opera, id-disinn, festivals mużikali, u siti ewlenin fil-Belt huma biss uħud mill-pilastri li l-Fondazzjoni ibbażat il-programm kulturali fuqhom”, stqarr Debattista.

Il-Legat huwa aspett kruċjali tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura u għalhekk, il-Gvern u l-Fondazzjoni Valletta 2018 se jwaqqfu Aġenzija għall-Legat Kulturali ta’ Valletta 2018, “biex l-artisti tagħna jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet, l-istess spazji għall-prestazzjonijiet, u l-istess parteċipazzjoni mill-udjenza wara l-2018”.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend