Kull filgħodu, qabel il-ħsejjes ta’ mijiet ta’ kompjuters jibdew jinstemgħu fl-uffiċċji kollha ta’ HSBC Malta, wieħed jinduna li l-ewwel ħsejjes huma ta’ boroż mimlijin bi skart riċiklabbli li jkunu qed jinġabru fil-fergħat. Dan, ta’ kuljum, qed iwassal għar-riżultati mixtieqa. Matul l-2017, l-impjegati tal-Bank, li jgħoddu iktar minn 1,000 impjegat, kienu qed jiġbru tappijiet tal-plastik biex jiġġeneraw flus għall-Istrina. L-appoġġ sħiħ tagħhom għal “Nirriċikla għall-Istrina 2017” irriżulta f’ġabra ta’ 50 borża kbira mimlijin b’ tappijiet tal-plastik. Għadd ta’ kontenituri żgħar u kbar tal-ġbir tqiegħdu fil-fergħat, canteens tal-impjegati, fiċ-ċentru ta’ kuntatt, fid-dipartiment tal-IT u fil-kamra tal-posta. L-aħħar tappijiet miġbura kienu depożitati għand l-organizzatur tal-kampanja, GreenPak Coop Society, ftit jiem ilu.
Il-membri tal-istaff irrispondew b’mod pożittiv anki għas-sejħa biex jirriċiklaw il-batteriji użati billi appoġġjaw il-kampanja nazzjonali BATREE, immexxija ukoll minn GreenPak. B’kollox tqiegħdu żewġ kontenituri ta’ BATREE f’kull sit tal-HSBC.
“Ir-riċiklaġġ ta’ tappijiet u batteriji hu proċess delikat ħafna. Ħafna drabi, tant ikunu żgħar li jaqgħu fix-xquq tal-proċess tar-riċiklaġġ. Filwaqt li l-parteċipazzjoni individwali fit-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ sostenibbli jixirqilhom apprezzament sħiħ, azzjoni korporattiva bħal dik tal-HSBC tipprovdi spinta kollettiva lill-isforzi nazzjonali għar-riċiklaġġ”, qal il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak l-Inġ Mario Schembri.
Is-sostenibbiltà hi l-bażi tal-mudell tan-negozju ta’ HSBC. Dan għaliex tippermetti lill-Bank jgħin lin-negozji jirnexxu u jikkontribwixxu għas-saħħa u t-tkabbir tal-komunitajiet.
Żewġ karrijiet biex fihom jinġabru skart magħmul minn apparat elettriku u elettroniku (WEEE) tqiegħdu ukoll f’żewġ postijiet prominenti bil-għan li jkompli jiżdied il-ġbir u r-riċiklaġġ ta’ apparat elettriku u elettroniku. S’issa, fl-2017, il-karrijiet kellhom jitbattlu tliet darbiet u iktar minn 100 bicca apparat inġabru mill-WEEE Malta.