Mis-sena 2000 kien hemm tmienja u tmenin omiċidju li minn dawn spiċċaw vittma erbgħa u disgħin persuna.
Kienet is-sena 2012 li rat l-akbar ammont ta’ vittmi bi 12-il vittma, fejn f’żewġ omiċidji separati nqatlu żewġ persuni f’kull każ. Minn dawn kien hemm tlieta li kienu nisa bil-maġġoranza kienu rġiel. Kienu s-snin 2003 u 2006 li ma raw l-ebda omiċidju u s-sena 2011 li kellha l-anqas ammont ta’ omiċidji, fejn inqatlu tliet nisa.
Statistika li ħarġet waqt mistoqsija Parlamentari li saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Michael Farrugia turi kif tul dawn it-tmintax-il sena kienet is-sena 2001 li kellha l-iżgħar vittma, fejn minn seba’ omiċidji f’każ minnhom nqatlet tarbija ta’ 17-il xahar u l-omm li kellha 22 sena.
L-ixjeħ żewġ vittmi kienu tnejn ta’ disgħa u sebgħin sena, anzjan li nqatel fl-2000 u anzjana li nstabet mejta f’Għawdex fl-2002.
Minn erbgħa u disgħin vittma, tlieta u tlettin minnhom kienu nisa bil-maġġoranza tagħhom inqatlu b’daqqiet ta’ arma li taqta’. Il-maġġor parti tal-vittmi kienu Maltin, bi 15-il vittma jkunu ta’ nazzjonalita’ barranija bl-aktar każ riċenti jkun dak ta’ Novembru meta nqatel raġel Libjan.
Kienu seba’ persuni li tilfu ħajjithom fi splużjonijiet, b’tnejn minnhom kienu nisa – waħda f’każ li jmur lura għas-sena 2005 u bl-aktar wieħed riċenti jkun dak tal-qtil makabru tal-blogger Daphne Caruana Galizia li seħħ f’Ottubru ta’ din is-sena.
Is-sena 2017 rat tmien vittmi, fejn tnejn minnhom mietu kawża ta’ splużjoni bomba, erba’ nqatlu b’arma li taqta’ u tnejn b’tiri. Minnhom, waħda kienet mara.
Il-maġġoranza tal-każijiet kollha ġew solvuti fejn minn total ta’ erbgħa u disgħin vittma, huma 26 omiċidju li għadhom ma ġewx solvuti.