L-Imperatur Ġappuniż Akihito mistenni jabdika fit-tletin t’April tal-elfejn u dsatax. Ħabbar dan il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe wara laqgħa bejn il-Gvern u rappreżentanti tal-familja rjali Ġappuniża. Aħbar li waslet wara li l-imperatur, li llum jgħodd it-tlieta u tmenin sena, is-sena li għaddiet kien qal li l-età u l-kundizzjoni ta’ saħħtu kienu se jagħmlu t-twettiq ta’ xogħlu diffiċli ferm. Dan se jfisser li l-għada li jabdika, se joħodlu postu ibnu Naruhito, biex b’hekk tibda era imperjali ġdida.
Fil-Ġappun, l-Imperatur m’għandux setgħat politiċi, imma għandu bosta impenji, fosthom diplomatiċi u reliġjużi. Din se tkun l-ewwel darba wara żewġ sekli, li Imperatur Ġappuniż jabdika mir-rwol tiegħu. Għaldaqstant ir-rieda tal-Imperatur Akihito li jabdika qajmet dibattitu fil-Ġappun, fejn studju wera li ħamsa u tmenin fil-mija tal-poplu jappoġġjaw id-deċiżjoni tiegħu.