Apparat suspettuż viċin suq tal-Milied fil-Ġermanja – One News

Notifiki

Apparat suspettuż viċin suq tal-Milied fil-Ġermanja

Il-Pulizija Ġermaniża qed tinvestiga apparat suspettuż li nstab viċin suq tal-Milied f’Potsdam.

L-apparat kellu fih imsiemer, batteriji u wajers, u ntbagħat lil spiżerija fil-kapitali Berlin.

Fil-bidu, il-Pulizija qalet li fl-apparat kien hemm tliet splussivi, iżda mbagħad iċċarat li ma kienx hemm detonatur li seta jattiva l-istess splussivi. Madanakollu bħala prekawzjoni, iż-żoni ta’ madwar is-suq ġew evakwati.

L-apparat instab f’Brandenburgerstrasse fiċ-ċentru ta’ Potsdam, li bħal bliet oħra fil-Ġermanja wkoll hija magħrufa għas-swieq tal-Milied.

Il-Ministru għall-Intern ta’ Brandenburg, Karl-Heinz Schröter, qal li l-Pulizija Ġermaniża għaddejja bi tfittxija fl-inħawi biex tara jekk hemmx xi apparat simili.

Bħalissa fil-Ġermanja hemm aktar minn 2,600 suq tal-Milied, li fid-dawl tal-attakk terroristiku f’Berlin is-sena l-oħra, qed jaraw żieda sostanzjali fil-preżenza t’Uffiċjali tal-Pulizija.

F’Diċembru tas-sena l-oħra kienu mietu 11-il persuna f’attakk terroristiku f’Berlin, meta vann kien saq fuq in-nies f’suq tal-Milied.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend