Dak li mal-ewwel daqqa t’għajn bosta ħasbu li kien delitt faċli biex jissolva spiċċa biċċa wġiegħ ta’ ras oħra għall-investigaturi.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li l-pulizija mhix teskludi li l-qtil tal-libjan fil-lejl ta’ bejn is-sibt u l-ħadd seħħ wara li ż-żewġ Libjani l-oħra pprovaw jiddefendu lilhom infushom tant li sa mill-bidu l-pulizija bdiet tiddeskrivi l-każ bħala inċident.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li r-rapport daħal bħala inċident u meta l-pulizija waslu fuq il-post sabu li kien hemm persuni li ġarrbu xi ġrieħi.
Tant li wieħed minn dawn it-tliet Libjani ttieħed l-isptar Mater Dei fejn tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.Huwa mifhum li r-residenza li fiha ndarab il-Libjan hija taż-żewġ libjani l-oħra. Fil-fatt il-mejjet huwa residenti fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet sostnew li dak li mal-ewwel daqqa t’għajn deher każ li seta’ jiġi solvut b’mod faċli – il-pulizija għad trid tistabbilixxi x’seħħ eżatt f’Birkirkara. Madankollu mhux eskluż li l-pulizija tressaq liż-żewġ Libjani l-qorti u tixlihom bi qtil involontarju.
Waqt żjara li one news għamel fuq il-post, seta’ jinnota li x-xena tar-reat f’birkirkara għadha qed tiġi ssorveljata mill-pulizija tad-distrett ta’ birkirkara.
Hu mifhum li l-argument beda fid-dar iżda kompla barra bil-vittma jaqa’ u jaħbat rasu mal-koxxa tal-bieb.
Intant l-uffiċjali tal-pulizija tal-istess distrett għadhom qed jissorveljaw ukoll ix-xena tad-dellitt fi triq l-imdina f’Ħ’ Attard fejn ġimgħa u nofs ilu nqatel Angelo Mangion.
Dan hekk kif il-Maġistrat inkwirenti Aaron Bugeja għadu għaddej bl-investigazzjonijiet tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Mangion.
Sadanittant One News jinsab informat li Raymond Grima li għadu qed jinżamm fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar Mater Dei bil-Pulizija tistenna li jaqleb għall-aħjar biex tkun tista’ tkellmu.
L-investigazzjonijiet fiż-żewġ delitti qed jitmexxew mid-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali, flimkien mal-pulizija tad-distrett.