Mary Rose Vella u Charmaine Vella, diretturi ta’ kumpanija li tmexxi lukanda fil-Munxar Għawdex ġew ikkundannati jħallsu multa ta’ elfejn ewro kull wieħed u ftit aktar minn tlett elef u mitejn ewro lil impjegat li kien jaħdem magħhom wara li baqa’ ma tħallasx ta’ xogħlu.
Dan wara li Vella ammettiet fil-Qorti li ma kinitx se tħallsu qabel jagħmlilha apoloġija pubblika tal-ħsara li qalet li għamlilha.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud irrimarka li dan ma ma kienx l-ewwel każ tal-imputati fejn ma ħallsux lill-ħaddiema tagħhom.
Qal li ll-Qorti fehmet id-diffikultajiet li seta’ kellhom l-imputati tant li tat cans, għal darba, darbtejn, tlieta u aktar iżda s-sitwazzjoni baqgħet li tant persuni kienu qegħdin jagħtu servizz bla ma jitħallsu.
Qal li n-nuqqas tal-imputati jista’ jitqies bħala sfruttar tal-persuna li m’għandu qatt ikun aċċettat fis-soċjetà tagħna.
Appella biex id-Dipartiment li jaslulu tant rapporti dwar nuqqas ta’ ħlasijiet lill-ħaddiema għandu jinforma lill-pubbliku b’dan biex min ikun se jmur jaħdem ma’ dawk li jkunu magħrufa li mhux iħallsu lill-ħaddiema jkunu jafu bil-problemi li jistgħu jiffaċċjaw.