Anzjan qed isofri ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument fil-Belt Valletta.
Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-sitta u għaxra f’każin li jinsab fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li ftit tal-ħin qabel, għal xi raġuni kien qam argument bejn raġel ta’ 68 sena li joqgħod il-Belt Valletta stess u raġel ieħor li mhux magħruf.
Jidher li waqt l-argument ir-raġel ta’ 68 sena, allegatament safa’ imbuttat mill-istess persuna bil-konsegwenza li waqa’ u sofra xi ġrieħi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn, iktar tard, ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.