L-ex Prim Ministru Alfred Sant esprima d-dieqa tiegħu għall-mewt tal-Prof. Anthony Zammit.
“L-aħbar tal-mewt tal-ħabib tiegħi l-Professur Tony Zammit timlieni dieqa kbira. Kien ħabib ġenwin”, qal Sant.
Qal li ma’ oħrajn imma hu fost l-aktar, kien il-bniedem li sabu biex jgħinu, jinkuraġġih u fuq kollox jikkurah fi żminijiet meta saħħtu kienet qalgħet daqqa kbira.
“Mingħajr il-ħila, il-ġentilezza u l-attenzjoni tiegħu, ma kontx insalva – ħila u attenzjoni li kien jagħti lil kulħadd bl-akbar reqqa”, qal Dr Sant.
Irrefera għas-sehem tiegħu fil-politika u qal li ammira l-ideat siewja li kellu dwar kif il-qasam tas-saħħa pubblika f’pajjiżna u kif dan seta’ jiżviluppa għall-ġid ta’ kulħadd.
“Ammirajtu wkoll ftit ġimgħat ilu meta żortu f’daru. Kien sod, rassenjat u luċidu bħal dejjem. Hekk kif jasal il-mument li nkun kif kien hu, nixtieq li jkolli l-kuraġġ tiegħu”, qal Dr Sant waqt li tah ħajr u bagħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja kollha tiegħu.