Is-soċjetà ċivili f’Għawdex għandha tkun il-protagonista fid-deċiżjonijiet li jolqtu l-interessi tal-istudenti, il-ħaddiema u l-bdiewa Għawdxin. Is-sehem tal-għaqdiet non governattivi Għawdxin għandu jkun formalizzat fuq livell reġjonali u eventwalment il-Ministeru għal Għawdex ikun id-driegħ eżekuttiv ta’ Kunsill Reġjonali għal Għawdex. Dan qalu Alfred Sant f’Konferenza f’Marsalforn bl-isem ‘X’jistennew l-Għawdxin mill-Ewropa” f’Marsalforn Għawdex.
Dr Sant qal li l-valuri soċjali Ewropej jistgħu jiġu attwati waqt li l-Għawdxin jimxu skond l-aspirazzjonijiet reġjonali tagħhom bħala gżira bi sfidi simili għal gżejjer oħra fil-perifierija tal-UE.
“Hemm bżonn soluzzjonijiet ġodda bis-sehem tas-soċjeta` ċivili li tħoss il-polz tal-Għawdxin. Għandhom jinħolqu kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi biex jilħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema u l-bdiewa Għawdxin.”
Dr Sant qal li l-ekonomija kibret sew f’Malta u f’Ghawdex. Fl-aħħar erba’ snin żdiedu 1600 impjieg ġdid f’Għawdex, iżda minkejja dan iż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom jaħdmu f’Malta jew fl-Ewropa.
“Irridu niżguraw li s-suq u l-kundizzjonijiet tal-impjiegi f’Għawdex ikunu fl-istess livell ta’ Malta biex iż-żgħażagħ u l-ħaddiema Għawdxin isibu impjiegi li jirrispettaw il-kwalifiki u l-ħila tagħhom”.
Dr Sant qal li fil-Parlament Ewropew ingħaqad ma’ Ewroparlamentari minn gżejjer mill-Kroazja, Sardinja u Sqallija biex jippreżentaw front wieħed dwar l-isfidi ta’ gżejjer fil-periferija tal-UE.
“Flimkien ma’ deputat Ewropew mill-Kroazja qed naħdem fuq proġett maħsub biex il-gżejjer Ewropej, f’ħidma flimkien u b’investimenti u teknoloġiji ġodda, ikunu kapaċi jipprovdu enerġija “nadifa” għalihom infushom. Għall-bidu il-Kummissjoni Ewropea approvat €2 miljun mill-baġit tagħha. Issa d-direttur tal-proġett informana li ma’ dawn il-flus, il-Kummissjoni biħsiebha tpoġġi 10 miljun ewro ieħor biex tkompli tirrinforzah.
Għal xi żmien kont bdejt naqta’ qalbi li l-proġett qatt ma se jitlaq għax kien waqa’ lura sew. Imma issa naħseb li hemm ċans tajjeb li nistgħu nagħmlu progress.” qal Alfred Sant.
Il-Konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Frank Psaila, espert fl-iżvilupp ta’ Għawdex.