Minkejja li membri tal-Oppożizzjoni ddikjaraw pubblikament li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jiġi soġġett għal vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fil-konfront tiegħu għax mhux denju li jibqa’ fil-kariga, Adrian Delia ddikjara li mhux se jagħmel dan u ċaħad li hemm xi tip ta’ moviment kontrih fil-partit.
Il-gazzetta Malta Today, l-Erbgħa filgħodu żvelat li 11-il deputat Nazzjonalista lesti jippreżentaw mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Kap Nazzjonalista bl-iskop li jitneħħa minn kap tal-oppożizzjoni.
Iffaċċjat b’dawn id-dikjarazzjonijiet, Delia ċaħad li hemm dan it-tip ta’ moviment kontrih u saħansitra qal li ma jafx għal liema stejjer qed nirreferu.
Il-Kap Nazzjonalista qal li mhux se jilqa’ l-appelli li qed isirlu minn bosta bnadi biex isejjaħ vot ta’ fiduċja fil-konfront tiegħu hekk kif talbet ukoll id-deptutata tal-Oppożizzjni Marlene Farrugia. Qal li s’issa ma kien hemm xejn f’dik id-direzzjoni min-naħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Minkejja bosta dikjarazzjonijiet li saru kontrih f’laqgħa mqanqla tal-grupp parlamentari Nazzjonalista fil-bidu tal-ġimgħa, Delia kompla jiċħad li hemm xi nuqqas ta’ qbil fil-grupp parlamentari waqt li rrifjuta li jkompli jieħu aktar mistoqsijiet.