Id-deputat Toni Bezzina rrikkorra għall-gideb biex jiddefendi ruħu wara li l-Qorti kkonfermat li bagħat ħaddiema tal-gvern jagħmlu xogħol f’każin tal-Partit Nazzjonalista u sfurzahom jiffirmaw dikjarazzjoni falza. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.
Il-PL qal kif fi stqarrija Toni Bezzina qal l-qorti kienet qalet f’sentenza oħra li l-Partit Laburista gideb dwaru. Mhux minnu. Il-Partit Laburista u l-midja tiegħu qatt ma tilfu libell b’rabta ma’ dan il-każ u l-Qorti qalet b’mod ċar fis-sentenza tagħha li “kien għal kollox barra minn loku li l-attur jingaġġa mpjegati pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu biex jagħmlu xogħol fil-każin tal-Partit Nazzjonalista ġewwa ż-Żurrieq.”
L-istqarrija tgħid li la Toni Bezzina qed iwebbes rasu u saħansitra jrid jilħaq Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, issa jrid ikun il-Kap Adrian Delia li jgħid x’passi se jieħu. Ta’ qablu kien qal li se jistenna s-sentenza tal-appell u s-sentenza tal-appell issa ħarġet. Ikkonfemat li Toni Bezzina abbuż mill-kariga tiegħu.