- Il-kowċ tat-tim nazzjonali ilu bl-interess f’pajjiżna
Il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti, Tom Saintfiet, ilu b’ħarstu fuq pajjiżna diversi snin u mkejjen mix-xena tal-futbol lokali qalulna li l-Belġjan kważi tkarrrab biex isib tim f’pajjiżna. Minn korrispondenza li rat din il-gazzetta jirriżulta li fl-2012 Saintfiet qal li kien lest jiġi Malta u saħansitra kien qal li għalih il-flus mhumiex importanti. L-iktar importanti f’dak l-istadju kien li jiġi pajjiżna.
Fil-fatt, ħames snin ilu Staintfiet kien diġà kiteb lill-Malta Football Association u li kien lest jiġi Malta b’mod immedjat u dakinhar, peress li t-tim nazzjonali kellu kowċ lest, l-MFA dawret is-CV tiegħu mal-klabbs ewlenin tal-futbol Malti. Iżda donnu li dakinhar u lanqas fis-snin ta’ wara, ħadd ma kien interessat fih. Dakinhar kien qal li kien lest jieħu tim fil-Premier League u jipprova jżommu hemm. Għalkemm dan mhux xi kowċ b’CV ta’ barra minn hawn, kien hemm min fl-MFA li ma nsiehx u meta ġie biex jaħtar kowċ minflok Pietro Ghedin, beda jkun ikkunsidrat b’serjetà kbira. Il-fatt li kien hemm mumenti fejn bdew telgħin l-aspettattivi u ssemmew ismijiet magħrufa, ħadd ma stenna li se jkun dan il-Belġjan u għalhekk ismu nissel diżappunt fost ħafna dilettanti tal-futbol Malti li argumentaw li ladarba l-MFA m’attiratx xi isem magħruf, setgħet marret għal kowċ Malti. Iżda, l-esperjenza ta’ dan il-kowċ ma’ timijiet minn bnadi differenti tad-dinja u timijiet żgħar u modesti, setgħet serviet ta’ raġuni għaliex l-MFA din id-darba tbiddel l-istrateġija. Anke x-xewqa li jmexxi l-plejers li jilbsu l-aħmar jew l-abjad kienet ikkunsidrata bħala xi ħaġa pożittiva.
Ta’ min jgħid li fiż-żmien li beda juri interess jiġi Malta kien suppost se jkun kowċ tan-Niġerja. Iżda, ma sarx minħabba li intervent ta’ politiċi fi-Niġerja waslu għall-pressjoni biex il-kowċ ikun Niġerjan.
Meta kien preżentat, il-Belġjan ta’ 44 sena qal li għandu ambizzjonijiet għat-tim nazzjonali u skont hu l-proġett huwa wieħed long term. Żvela li kien ilu sajf isegwi t-tim nazzjonali Malti u timijiet oħra Maltin. “Naħseb li l-futbol Malti qed jagħmel biċċa xogħol tajba f’dawn l-aħħar snin,” qal il-kowċ ġdid fil-preżentazzjoni li ma żammx sigriet ix-xewqa li jiġi Malta, għalkemm m’għamilx referenza għal dak li qed niżvelaw aħna.
Norman Darmanin Demajo, il-President tal-MFA b’għażla diretta tal-kowċ, qal li hemm bżonn xi ħadd li jidħol b’ruħu u b’ġismu għal din il-kariga. Il-Belġjan ikkowċja ħafna fl-Afrika fost oħrajn u kien magħżul ukoll biex imexxi n-Niġerja. Xi ħaġa li ma ġratx minħabba kwistjonijiet politiċi. Però, Darmanin Demajo jemmen li saret l-aħjar għażla anke għaliex għandu esperjenza kbira fost pajjiżi żgħar. L-ewwel logħba tiegħu se tkun kontra l-Estonja fit-12 ta’ Novembru f’Malta.