Il-familja Fujimoto minn Okayma, il-Ġappun, ingħataw il-premju ‘Friends of the Maltese Islands’, fl-okkażjoni tat-tletin żjara tagħhom hawn Malta. Dan bħala apprezzament għall-isforzi tagħhom biex jispiraw lil ħaddieħor u jgħinu lil ħaddieħor japprezza l-gżejjer Maltin.
It-titlu kien ippreżentat miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Dr Gavin Gulia, f’isem l-Awtorità u f’isem il-Ministeru tat-Turiżmu. Preżenti fl-uffiċji tal-Awtorità fi Smart City kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Malti għall-Ġappun, l-Eċċellenza Tiegħu Andre Spiteri.
Iż-żewġt’aħwa subien, Masaya u Tetsuya, flimkien ma’ ommhom Chiharu huma turisti regolarissimi hawn Malta, u mhux biss ilhom jiġu mill-1996, imma huma sidien ta’ kafetterija fil-Ġappun bl-isem ta’ ‘Tacsum’. L-isem huwa ispirat minn ħbiberija li nibtet ma’ familja Maltija, tant li l-isem huwa ‘Muscat’ miktub bil-kontra. Fil-ħanut wieħed jista’ jduq ikel msajjar bil-mod u bil-fwar; riflessjoni tal-karattru Malti li l-familja tgħid li tesperjenza fiż-żjarat tagħha.
Kif wieħed jista’ jara mill-paġna elettronika tagħhom, hemm bosta affarijiet relatati ma’ Malta fil-ħanut, u dejjem jirrakkomandaw lil Malta bħala destinazzjoni turistika mal-klijenti tagħhom. Infatti, żewġ klijenti għadhom kemm telqu mill-Ġappun għal Malta, biex jistudjaw l-Ingliż.
Hu u jippreżenta l-unur, iċ-chairman tal-MTA, Dr Gavin Gulia, esprima gratitudni lejn il-fatt li l-familja Fujimoto għażlet lil Malta f’tant okkażjonijiet. Qal li wħud mill-aktar forom effettivi ta’ promozzjoni jsiru permezz tad-diskors u l-esperjenza personali tal-individwu. Li wieħed jagħti rikonoxximent f’dawn l-okkażjonijiet huwa mhux biss essenzjali imma jservi wkoll bħala inkoraġġament, kemm għal Maltin kif ukoll għat-turisti. Fost oħrajn isservi biex wieħed jiftakar li l-gżejjer Maltin għandhom ħafna aktar x’joffru minn dak li wieħed jista’ jesperjenza f’okkażjoni waħda. Dan il-konċentrament ta’ ġid għandu jnissel sens qawwi ta’ kburija.
Dr Gulia ikkonkluda billi rringrazzja lill-Ambaxxatur Spiteri talli ressaq lill-familja Fujimoto lejn l-MTA u tal-isforzi li qed jagħmlu biex Malta ssir aktar magħrufa fil-Ġappun.