L-Erbgħa filgħaxija tnediet uffiċjalment il-kampanja tal-karus b’rabta mal-Istrina.
Kampanja li issa daħlet fl-erbatax-il sena tagħha u saret parti importanti mill-avveniment tal-Istrina li jsir l-għada tal-Milied.
Total ta’ elfejn karus tqassmu f’mitejn skola.
Il-koordinatriċi tal-kampanja Matilde Balzan spjegat kif dawn jinġabru fit-tielet ġimgħa ta’ Diċembru, il-flus fihom jiġu magħduda u jiżdiedu mas-somma finali tal-Istrina.
Ma’ One News spjegat kif, bil-għan li l-fond dejjem jikber, poġġew sfida quddiem dawk li jmexxu l-iskejjel.
Għal sena oħra, is-Sur Edgar Preca, se jkun qed iżur numru ta’ skejjel u jiltaqa’ mat-tfal.
Il-kampanja tal-karus iddur mat-tfal, u għaldaqstant qed tgħinhom biex, f’eta żgħira, jibdew jaħsbu f’ħaddieħor. Nies u tfal li huma inqas ixxurtjati minnhom.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca fakkret li l-Malta Community Chest Fund, li hija l-moħħ wara l-Istrina, tagħti mediċini tal-kanċer b’xejn li mhumiex fuq il-formolarju tal-Gvern.
Sostniet ukoll li l-ħidma mhix iffukata biss fuq mediċina, għax tingħata għajnuna lil persuni b’diżabilta, familji vulnerabbli u żgħażagħ li kienu jgħixu f’istituti, fost oħrajn.