Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ma jridx li jagħti vot ħieles dwar il-mozzjoni li tattakka avviż legali li jagħti mitt siegħa leave li kull min ikun għaddej minn trattament tal-IVF.
Ikkonfermaw dan ma’ ONE NEWS imkejjen fil-Partit Nazzjonalista, għalkemm indikazzjoni ċara ingħatat ukoll f’kummenti li kelliem tal-istess partit ta lil The Times of Malta.
Il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li kienet waħda mill-ewwel passi li ħa Adrian Delia, qajmet dwejjaq ġdid fil-grupp parlamentari.
Din id-darba ma’ dawk meqjusa bħala deputati li għandhom twemmin iktar miftuħ dwar dawk li huma drittijiet ċivili. Għalkemm, bħal fil-każ ta’ Therese Commodini Cachia, lil Adrian Delia mhux qed jikkontestawh biss fuq il-prinċipji iżda anke fuq l-argumenti legali li qed iġib. Fl-istess ħin hi ddikjarat b’mod ċar li issa missu jagħti free vote kif wiegħed fl-aħħar xhur.
Anke Edwin Vassallo, li ma Therese Commodini Cachia ma jaqbilx, tkellem favur il-free vote. Iżda, jidher li l-iskuża ta’ Delia hi li l-partit irid ineħħi anomalija legali u għalhekk mhemmx vot ħieles.
Dan anke jekk ifisser li kieku kellha tgħaddi ta’ Adrian Delia dawk in-nisa li jmorru għat-trattament barra minn Malta għax pajjiżna ma jippermettihiex, jitilfu d-dritt ta’ mitt siegħa leave li jieħdu ommijiet oħra.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista saħansitra qal li mhemm ebda obbligu li hawn tkun diskussa l-kwistjoni tal-vot ħieles.
Il-mozzjoni ta’ Adrian Delia kienet deskritta bħala diskriminatorja minn diversi u l-Prim Ministru qal li hi mozzjoni offensiva li wriet id-differenza bejn iż-żewġ partiti ewlenin fuq is-suġġett.