Tikber il-pressjoni fuq il-Whip tal-Partit Nazzjonalista David Agius biex ma jikkontestax għall-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista għall-affarijiet tal-Parlament.Dan sabiex jagħmel il-wiesgħa lid-deputat nazzjonalista Chris Said, biex ikun hu li jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap.
Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista li tkellmu mat-Times qalu kif il-pressjoni fuq Agius żdiedet wara stħarriġ tal-MaltaToday li wera li Delia ftit li xejn qed igawdi minn appoġġ tal-partitarji Nazzjonalisti.
Ikkuntatjat minn One News, David Agius qal li qed jiġbor il-firem biex il-Ġimgħa jitfa’ n-nomina tiegħu. Fuq Facebook appella lin-Nazzjonalisti sabiex jiffirmawlu.
Agius ikkonferma li jinsab taħt pressjoni, meta wara li qal li qed jiġbor il-firem, tħawwad f’diskorsu u ma kkonfermax li se jkun qed jikkontesta.
Is-sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista spjegaw kif Adrian Delia bagħat għal Chris Said sabiex jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap. Dan bil-għan li jużah biex jittanta jgħaqqad il-partit li bħalissa jinsab f’elf biċċa.
Jidher li Said għamel kundizzjoni lil Delia – dik li miegħu ma jikkontesta ħadd aktar.
Iżda apparti Agius, hemm ukoll d-deputat nazzjonalista Edwin Vassallo li l-Erbgħa filgħodu nieda l-kampanja għall-kariga ta’ viċi kap.
Kien fl-aħħar ta’ Settembru li ħabbar l-intenzjoni li jikkontesta bil-patt li jċedi postu għal Chris Said biss jekk Agius jirtira. Madankollu, dakinhar Agius kien qal ċar u tond ma’ ONE NEWS li se jikkontesta.
Iżda bil-għan li jiġbed is-simpatija tat-tesserati u l-partitarji nazzjonalisti waqt li kien qed iniedi il-kampanja, Vassallo qal li hu lest iċedi l-kandidatura biex ma jkunx f’saqajn Delia. Vassallo qal dan meta mistoqsi minn ġurnalisti indipendenti.
Adrian Delia irid li David Agius u Clyde Puli jkunu żewġ viċi kapijiet tiegħu. Tant li għal-laqgħa ta’ kortesija mal-Prim Ministru ħa lilhom miegħu . Aġir li wassal għal iktar battibekki u firda fil-Partit Nazzjonalista .