Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo ddikjara li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia għamel sew li ressaq mozzjoni fil-Parlament biex ibiddel avviż legali li se jkun qed jagħti mitt siegħa leave għal kull min jieħu t-trattament tal-IVF.
Vassallo li dalgħodu ħabbar li se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament qal li jaqbel mal-liġi kif inhi bħalissa għax skont hu ma tippermettix l-iffriżar tal-embrijuni.
Iżda għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjara Vassallo, il-liġi li saret fl-elfejn u tnax tippermetti li jsir dan tant li bħalissa diġà hawn żewġ embrijuni ffriżati.
Vassallo magħruf għall-pożizzjonijiet konservattivi tiegħu, tant li vvota kontra l-liġi taż-żwieġ indaqs, kompla jinsisti li d-definizzjoni ta’ ġenituri prospettivi fl-avviż legali ġdid kien differenti minn dak li skont hu hemm fil-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Madankollu l-liġi kif inhi jeħtieġ li tiġi emendata biex tiġi konformi mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru.
Fil-fatt, il-mozzjoni ta’ Delia ġabet il-kundanna tal-Malta Gay Rights Movement li sostna li din il-mozzjoni mhix meħtieġa kemm-il darba hija bbażata fuq premessa falza u hija diskriminatorja fl-intenzjoni tagħha.
Il-pożizzjoni tal-kandidat għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista tmur ukoll għalkollox il-kontra ta’ dak li ddikjarat ilbieraħ id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia. Fl-artiklu f’The Times hija attakkat b’mod voċiferu l-mozzjoni tal-partit Nazzjonalist.
Waqt li bħal Edwin Vassallo, ittamat li Delia jagħti vot ħieles dwar din il-liġi, hija nnotat kif min imur għat-trattament barra minn Malta jkun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli u dak li qed jipproponi l-Gvern, hija miżura ta’ ġustizzja soċjali.