Immaġina grupp ta’ nisa mill-Estonja, lkoll bi strument mhux tas-soltu f’idhom: qanpiena. Meta sett ta’ qniepen jindaqqu flimkien b’mod professjonali, joħolqu melodija sinkronizzata b’mod perfett, tant li jiġġeneraw mużika sabiħa ħafna għall-widna.Qed nirreferu għall-Arsis Handbell Ensemble, li nhar l-4 ta’ Novembru se jkun qed jeżebixxu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, f’avveniment organizzat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. F’Malta qatt ma kellna wirja bħal din.
Arsis Handbell Ensemble se jkunu parti mill-Malta International Choir Festival, li se jsir fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru. Waqt il-wirja tagħhom nhar l-4 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran, se jkun hemm element partikolari ieħor, ċioe grupp ta’ koristi professjonali rġiel bl-isem ta’ Gentlemen Singers mir-Repubblika Ċeka. Dawn ikantaw varjtà vasta: minn diski moderni għal siltiet aktar klassiċi, b’garanzija li joffru spettaklu adattat għal kull età.
Nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Novembru, il-pubbliku mistieden jattendi spettaklu ta’ kant korali etniku minn madwar id-dinja, komplut bil-kostumi u ħafna drabi abbinat ma’ żfin tradizzjonali. Dan ukoll se jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Choir Festival hija l-ikbar li qatt saret f’pajjiżna. Se jieħdu sehem 33 kor, li fihom hemm aktar minn 1,100 parteċipant. Dawn ġejjin minn diversi pajjiżi, allura għandhom stili u kulturi differenti ħafna. Biżżejjed ngħidu li hemm koristi li għandhom għaxar snin, u hemm min qabeż id-disgħin sena!
Il-Malta International Choir Festival sar wieħed mill-aktar avvenimenti popolari għal min iħobb il-mużika korali jew għal min irid jesperjenza xi ħaġa differenti. Il-festival ta’ erbat’ijiem f’Novembru ikun fih żewġ elementi: dak kompetittiv u dak mhux kompetittiv. Kompetizzjonijiet bejn korijiet se jsiru bejn il-Ħamis, 2 ta’ Novembru u s-Sibt, 4 ta’ Novembru. Dawn se jkunu miftuħa għall-pubbliku bla ħlas, fl-Istitut Kattoliku l-Furjana, u fil-Parroċċa tal-Floriana.
Iżda min jixtieq jesperjenza xi ħaġa tassew differenti għandu jattendi l-kunċerti ta’ nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Novembru jew nhar is-Sibt, 4 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Għal biljetti, tista’ ċċempel +356 25595750 jew iżżur www.maltachoirfest.com.