Il-Park għandu bżonn l-għajnuna tal-poplu Malti u Għawdxi kollhu.
Kien dan il-messaġġ ewlieni ta’ Christopher Borg, propjetarju tal-Wild Life park fl-Imtaħleb, li matul l-aħħar ġimgħa safa vittma ta’ nirien kbar.
Fuq wiċċ Borg dehret b’mod evidenti d-dieqa u l-kommossjoni li bħalissa qed iġorr, dan minħabba dik li kienet id-dar u l-post fejn jqatta parti kbira minn ħajtu issa intilfet. Ma’ ONE NEWS Christopher sostna li kemm hu kif ukoll l-annimali fl-aħħar jiem għaddew minn xokk qawwi.
Mal-wasla tagħna fil-Park kienet evidenti l-ħemda fil-post, ħemda li sa nhar it-Tlieta ma kontx tismagħha bil-ħsejjes sbieħ tal-bosta annimali eżotiċi li kienu jsawwru l-post.
Kellna l-opportunita’ li nżuru dak li għad fadal mill-park u stajna ninnotaw li dawk l-annimali li rnexxielhom jibqgħu ħajjin qegħdin f’post trankwil mingħajr ebda biża. Biss l-ewwel ftit jiem ma kinux l-istess.
Fatt interessanti li spjegalna Dylan, it-tifel ta’ Christopher, kien li waqt in-nirien li ħakmu il-park meta daħlu biex jipprovaw isalvaw xi annimali sabu liż-żewġ orsijiet Yogi u Padi mgħannqin flimkien bil-biża taħt l-ilma.
Min naħa tiegħu Christopher rringrazzja lil Gvern Malti għal għajnuna li qed jagħti b’mod specjali min naħa tad-direttorat tat-tindif.
Borg spiċċa b’appell wieħed sinċier għall-poplu Malti u Għawdxi.
Min jixtieq jgħn jista’ jagħmel dan billi jibgħat cekk fuq WildLife Park Malta, Wied il-Buzbies, Baħrija jew inkella online billi jikseb aktar informazzjoni fuq il-page ta’ WildLife Park Malta.