Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru li matul is-sena li għaddiet il-persuni f’impjieg kienu jammontaw għal ftit aktar minn mitejn u dstax-il elf ruħ, żieda ta’ ħdax-il elf impjieg jew ħamsa punt tnejn fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Grafika:
Iċ-ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru li l-akbar ammont ta’ ħaddiema kienu fis-settur tal-bejgħ, tal-karozzi, trasport u akkomodazzjoni u amministrazzjoni pubbliku.
L-istatistika turi wkoll li f’Malta, il-ħaddiema b’impjieg full-time laħqu l-174,798, żieda ta’ 5.3% meta mqabbel mal-istess perdjou fl-2015. L-ammont ta’ ħaddiema fis-settur privat kienU jammonta għal ftit aktar minn sitta u sebgħin fil-mija waqt li l-kumplament tal-ħaddiema kienu fis-settur pubbliku.
L-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika qal li s-settur privat ikkontribwixxa għal wieħed u disgħin fil-mija taż-żieda fl-impjieg f’Malta meta mqabbel mal-2015 bl-aktar żidiet kienu rreġistrati fil-qasam tal-bejgħ, tiswija ta’ karozzi, trasport, ħażna u akkomodazzjoni.
F’Għawdex, l-impjiegi full-time kienu jammontaw għal 9,382, jiġifieri żieda ta’ 5.7 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. L-impjiegi fis-settur privat kienu jammontaw għal ftit anqas minn sebgħa u ħamsin fil-mija.
Bi ftit aktar minn tnejn u sittin elf impjieg, is-settur tal-bejgħ baqa’ l-aktar settur li jħaddem nies segwit mis-settur tal-amministrazzjoni pubblika bi ftit aktar minn 51,000 u dak tas-servizzi bi tnejn u tletin elf u ħames mitt impjieg.
L-istatistika turi wkoll li matul is-sena li għaddiet kien hemm żieda wkoll fl-għadd ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li issa laħqu ftit anqas minn għoxrin elf u erba mitt ħaddiem.