AĠĠORNAT 5: IMPJEGATI FERUTI WAQT HOLD UP MINN ĦANUT TAL-ĠOJJELLI F’TIGNÈ – One News

Notifiki

AĠĠORNAT 5: IMPJEGATI FERUTI WAQT HOLD UP MINN ĦANUT TAL-ĠOJJELLI F’TIGNÈ

Il-pulizija qed tinvestiga hold up li seħħ għall-ħabta tal-10:00am mill-ħanut Diamonds International f’Tas-Sliema. Minn informazzjoni li għandu one.com.mt jirriżulta li impjegat kif ukoll uffiċjal tas-sigurtà li jaħdmu fil-ħanut indarbu waqt is-serqa. Allegatament tliet persuni mhux magħrufa telgħu mit-taraġ faċċata tal-istabbiliment u taw is-salt għall-ħanut. Dawn kienu mghamda u x’aktarx lebsin parrokki, nuċċalijiet tax-xemx u kpiepel.

Xhieda fuq il-post qalulna li għall-ewwel il-ħallelin taw daqqa fuq ras l-uffiċjal tas-sigurtà u sparaw tir b’pistola tal-arja fil-konfront ta wieħed mill-impjegati tal-ħanut. Fuq il-post issejħet ambulanza fejn ħadet lill-vittmi l-isptar. Fil-ħanut dehru numru ta’ vettrini bi ħġieġ imkisser kif ukoll ammont sostanzjali ta’ ħġieġ mal-art.

Il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post b’karozza tal-kiri bl-għamla Suzuki Alto. Din instabet abbandunata fi Triq il-Madonna tal-Ġebla fil-Gżira. Fuq l-post kien hemm numru ta’ Pulizija tad-Distrett u dawk mix-xena tar-reat sabiex jaraw jistgħux jelevaw xi evidenza mill-karozza. Ix-xhieda qalulna wkoll li x’aktarx fil-karozza instabu xi dokumenti oħra ta’ karozza oħra li nkriet. Din x’aktarx intużat mill-ħallelin wara li kienu abbundunaw l-ewwel karozza.

S’issa għadu mhux magħruf l-ammont ta’ deheb jew flus misruqa. Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Neville Camilleri. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

Aktar dettalji kif jaslulna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend