BIL-FILMAT: XADINI U LEOPARDS IMUTU… L-ILJUNI JSALVAW MIN-NIRIEN FIL-PARK TAL-IMTAĦLEB – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: XADINI U LEOPARDS IMUTU… L-ILJUNI JSALVAW MIN-NIRIEN FIL-PARK TAL-IMTAĦLEB

Kienu s-sidien tal-istess park li ndunaw bin-nirien fis-sigħat bikrin, hekk kif huma jgħixu biswit. Anke r-residenza tagħhom intlaqtet min-nirien.

Malli raw x’kien qed jiġri, liebsu l-ewwel ilbies li sabu, ħarġu barra u ċemplu għall-għajnuna. Dan filwaqt li ppruvaw isalvaw xi wħud mill-annimali li hemm fil-post.

L-għajnuna waslet mingħand id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar, il-Pulizija u kif ukoll id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.

Ħidma li kienet waħda diffiċli iżda li kienet ta’ suċċess, kif spjega d-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali Noel Montebello.

Ma setax jonqos id-dispjaċir fuq wiċċ sid il-park, Christopher Borg, li l-annimali li tant kien iħobb kellhom jgħaddu minn din it-trawma.

Minħabba n-nirien kbar li ħakmu l-park, fuq il-post kien hemm preżenza kbira ta’ vetturi tat-tifi tan-nar flimkien ma’ bowsers li kienu qed ifornu iktar ilma. 

B’xorti ħażina, kien hemm numru żgħir t’ annimali li tilfu ħajjithom bid-dħaħen li belgħu. Madanakollu, ħafna oħrajn kienu slavati.

Montebello spjega wkoll li sid il-park qed jieħu ħsieb għal kura ta’ dawk li kienu salvati, filwaqt li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qed jagħti l-kura lil xi għasafar.

Fuq il-post inġiebu wkoll vetturi li fihom jinġarru l-annimali, f’każ li jinqal l-bżonn li uħud mill-annimali l-kbar ikollhom bżonn jittieħdu post ieħor.

B’xorti tajba, l-ebda annimal ma ħarab minn fuq il-post waqt dan l-inċident.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri mar fuq il-post u wiegħed il-koperazzjoni kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend