Id-Direttur ta’ The Malta Independent, Pierre Portelli rriżenja mill-kariga li kellu fil-gazzetta indipendenti u l-midja tal-kumpanija Standard Publications.
Dan fl-isfond li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia wegħdu kariga għolja fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Portelli li għamel sajf jaħdem minn wara l-kwinti biex Adrian Delia jsir Kap tal-Partit Nazzjonalista kkonferma li qed jaħsibha biex jassumi kariga importanti fil-partit li hu dejjem appoġja.
L-eks President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista qed jissemma li jista’ jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff jew Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
B’hekk Portelli jkun viċin ta’ Delia fi żmien meta l-Kap Nazzjonalista lanqas jista’ jafda lil ta’ madwaru wara elezzjoni qalila li fiha l-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista komplew jikbru.
Pierre Portelli li jaf sew il-kurituri tal-istamperija kien jokkupa karigi importanti fil-Partit Nazzjonalista fosthom anki ta’ Kap tat-Taqsima tal-aħbarijiet tal-istazzjon Nazzjonalista.
Minn hemm, fl-elfejn u ħdax Portelli mexa lejn l-istazzjon nazzjonali biex iwassal il-messaġġ tal-Partit ta’ Gonzi PN li minn dak iż-żmien diġa beda jiffaċċja l-inkwiet intern.
Wara li fl-elfejn u tlettax il-Partit Nazzjonalista tilef bil-kbir l-elezzjoni ġenerali, Portelli mexa fl-uffiċini tal-Independent biex suppost imexxi din il-kumpanija indipendenti li kienet timbotta ‘l quddiem l-aġenda ta’ Simon Busuttil.