Kważi sena mid-dħul f’Malta tal-morning after pill mingħajr il-bżonn ta’ riċetta tat-tabib, din ħalliet bidla pożittiva għax naqqset l-abort minn ċittadini Maltin li kienu jagħmluh billi jmorru barra minn Malta.
Dan zvelah iċ-Chairman tal-Awtoritá tal-mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott f’intervista ma’ dan l-istazzjon.
Serracino Inglott li kien fuq quddiem nett biex is-sena l-oħra din l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza daħlet bla xkiel ta’ riċetti mit-tobba, saħaq li l-għagħa li nqala’ fuq din il-kwistjoni kien żejjed.
Dan hekk kif hu qal li “Għalhekk nistgħu ngħidu li l-istorja kollha mhux biss kienet a storm in a tea cup imma nerġgħu nsostnu li naħsbu li l-introduzzjoni tal-emergency contraception wasslet ukoll biex naqqset l-abort minn ċittadini Maltin li kienu jagħmluh billi jmorru barra minn Malta.”
Skont statistika ppubblikata mis-sistema tas-saħħa Ingliza, ta’ kull sena madwar 60 mara Maltija iwettqu abort f’xi sptar fir-Renju Unit.
Minkejja li l-użu tal-morning after pill ma kienx wieħed straordinarju, Serracino Inglott saħaq li l-fatt li issa m’għandekx bżonn riċetta tat-tabib wasslet biex jinqatgħu ċertu abbużi.
Serracino Inglott qal “Il-klijent li jkollu bżonn il-mediċina, f’dan il-każ l-emergency contraception seta’ jakkwista din il-mediċina mhux minn taħt il-bank kif ngħidu aħna s-soltu jew b’mod illeċitu u b’mod allura dak li ngħidulu black market u b’hekk jixtriha bi prezz mhux xieraq, pero wkoll bil-periklu li jkun qed jixtri xi ħaġa li tisejjaħ counter-fit, jiġifieri xi ħaġa li m’hiex vera li hi suppost li hi. Xi ħaġa li hija mibjugħa mhux skont ir-regolazzjoni Ewropea.”
Mistoqsi dwar kemm hemm spiżeriji li għadhom mhux joffru l-morning after pill mingħajr ir-riċetta tat-tabib, Serracino Inglott pront jgħidilna li dawn huma vera ftit.
Itemm jgħid li jeżistu spiżeriji li ma joffrux din it-tip ta’ kontraċezzjoni għax minn fejn joperaw m’hemmx suq għaliha.
Hu qal li “n-numru huwa totalment negliġibbli u l-parti l-kbira li ma jistockjawx fl-ispiżerija għax ma jistorjawx l-emergency contraception fl-ispiżerija tagħhom huwa li m’għandhomx suq għaliha.”