Qattusa ċkejkna ta’ tmien ġimgħat kellha tagħmel operazzjoni serja wara li kellha infezzjoni f’għajnejha. Iżda sfortunatament għalkemm il-veterinarji pprovaw, ma rnexxielhomx isalvawlha d-dawl t’għajnejha.
Happy Paws spjegaw permezz ta’ messaġġ fuq Facebook li għalkemm l-istorja taf tinstema’ xi ftit tad-dwejjaq, intemmet fuq nota pożittiva. Dan hekk kif tfajla li kienet staqsiethom jekk għandhomx qtates li tista’ taddotta, meta qalulha dwar l-istorja ta’ din il-qattusa, iddeċidiet li taddotta proprju lilha.
Kien proprju llum li Sacha u l-għarus tagħha marru biex jaddottaw lil Coco – isem il-qattusa ċkejkna, li minkejja minn xiex kellha tgħaddi, issa se jkollha ħajja normali bħala qattusa għamja ma’ familja li tħobbha.