Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla jikkonferma li se jimxi fuq il-passi tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u li baxxa rasu għalih.
F’attivita taħt it-tinda fuq il-Fosos tal-Furjana, Adrian Delia reġa’ indirizza lill-partitarji Nazzjonalisti b’tonn aħrax. Hemm bi kburija tkellem dwar kif it-Tnejn filgħodu mar jagħti l-appoġġ tiegħu lil Simon Busuttil fil-qorti u mar jiddefendi l-allegazzjonijiet li għamlet il-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia fil-konfront tal-Prim Ministru u esponenti oħra tal-Gvern fost oħrajn. Allegazzjonijiet li ġew ripetuti minn Busuttil innifsu.
“Mort nuri l-appoġġ tiegħi lejn Simon Busuttil. – U assoċjat ruħi bħala avukat indifiża ta’ Simon Busuttil”, qal il-kap tal-PN.
Delia kellu kliem ta’ tifħir għad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Għax skont hu għadda tmiem il-ġimgħa jipprepara kif se jiddefendi l-allegazzjonijiet li għamlu Simon Busuttil u Daphne Caruana Galizia.
Allegazzjonijiet li l-kap l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista jemminhom. Dan anki jekk fil-qorti la hu u lanqas Azzopardi bħala l-avukati difensuri ta’ Simon Busuttil ma ġabu prova waħda.
“Nirringrazzja lil Jason Azzopardi li għamel weekend jaħdem u jirriċerka fuq dan il-każ”, qal Delia. Biex żgur jimxi fuq il-passi tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busutill, Adrian Delia attakka l-istituzzjonijiet u qal li m’aħniex ngħixu f’pajjiż normali. Xejn Ġdid , dikjarazzjonijiet li jfakkruna mad-diskorsi ta’ Simon Busuttil.
“M’aħniex ngħixu f’pajjiż normali. Iridu naħdmu u niġġieldu kuljum biex jerġa jkun hemm in-normalità f’pajjiżna. B’tonn aħrax u aggressiv, Adrian Delia li kkampanja bil-wegħda Mod Ġdid , Wegħda li nkisret minn qabel ma sar Kap, infexx jattakka lill-Partit Laburista.
Jekk il-PL ħaseb li se jsibna mifrudin sejjer żball. Se nimlewlkom il-paġni tal-gazzetti.
Iżda l-Partit Laburista kif ukoll ġurnali indipendenti rrapportaw dak li bdew jiktbu pubblikament esponenti Nazzjonalisti fuq Facebook.
Fost dawk li kiteb kontra Delia li akkost ta’ kollox ma riedux Kap , kien hemm id-deputat Jason Azzopardi. Iżda issa jidher li ngħaqdu sabiex flimkien jerġgħu jibnu l-politika tagħhom fuq allegazzjonijiet li għamlet Daphne Caruana Galizia u rrepetihom Simon Busuttil. Ingħaqdu flimkien sabiex b’dawn l-allegazzjonijiet jimminaw il-ħidma tal-Gvern u jattakkaw lill-Prim Ministru u l-esponenti tal-Gvern. Stil politiku li bdih Simon Busuttil u qed ikompli jimxi miegħu Adrian Delia – Kap isteriku li m’għandu l-ebda viżjoni la għall-partit u lanqas għall-pajjiż.
Intant, jidher li wara li fil-jum tal-Ħadd id-deputat Nazzjonalista u li kkontesta għall-kariga ta’ Kap Chris Said tfielu l-mobile, matul il-jum ta’ tnejn irnexxilhom jagħmlu kuntatt u Adrian Delia ta x ‘jifhem li saret l-laqgħa bejniethom sabiex jaħdmu flimkien u jiġġieldu kontra l-Partit Laburista u l-Gvern. Li għal Delia huma l-għeddewa tiegħu.