It-Tuneżija neħħiet għalkollox liġi li kienet tipprojbixxi nisa milli jiżżewġ persuni li ma kienux ta’ twemmin Musulman.
Kelliem għall-President Beji Caid Essebsi ħabbar dan kollu fejn feraħ għan-nisa kollha li se jkunu qed “jingħataw il-libertà li jiżżewġu lil min iridu.”
Sa’ issa, raġel li ma kienx ta’ twemmin Musulman u xtaq jiżżewweġ mara Musulmana mit-Tuneżija kellu jikkonverti għall-Islam u juri provi li għamel proprju dan.
It-Tuneżija, li 99% tal-popolazzjoni hi Musulmana, titqies bħala waħda fost il-pajjiżi Għarab li hi progressiva meta jiġu għad-drittijiet tan-nisa.
Din il-liġi kienet bdiet tiġi diskussa wara li President Essebsi baqa’ jinsisti biex din il-liġi titneħħa għalkollox, liġi li daħlet fis-seħħ fl-1973.
F’diskors li kien qal ix-xahar li għadda, hu sostna li din il-liġi qed tkun ostaklu għal-libertà tal-għażla għan-nisa Tuneżini.