Illum il-Ġimgħa 15 ta’ Settembru il-vettura spazjali tan-NASA Cassini, li ilha tagħqad fl-ispazju għal dawn l-aħħar għoxrin sena, ġiet distrutta b’impatt qawwi mal-pjaneta ta’ Saturnu.
Esperti kienu ddeċidew li l-vettura, li oriġinarjament swiet lin-NASA mal-erba’ biljun dollaru, tinqered billi tintefa’ fl-atmosfera tal-pjaneta. Il-vettura Cassini baqgħet intatta għal madwar minuta qabel ma nqasmet f’biċċiet u offriet spettaklu viżwali minn fuq l-kameras tal-aġenzija spazjali.
L-aġenzija spazjali ma kellha l-ebda għażla oħra. L-livelli tal-fjuwil tal-vettura kienu kważi spiċċaw u skont sorsi tan-NASA iż-żmien tagħha kien diġa’ ġġebbed aktar minn kemm kien maħsub. Barra minn hekk li kieku l-vettura tħalliet iddur fl-ispazju kien hemmiċ-ċans li din tikkontamina uħud mill-qmura ta’ Saturnu – bħal Enceladus, dinja tas-silġ li għandha xi ingredjenti għall-ħajja, jew Titan, qamar dinamiku fejn tagħmel xita tal-metanu – b’mikrobi mid-Dinja.
Sadanittant il-mexxej tal-missjoni Cassini- Earl Maize, ikkongratula lil sħabu kollha li għenu f’din l-operazzjoni tul l-aħħar għoxrin sena.