Għall-ħames sena konsekuttiva, il-Programm tal-Ilma ta’ HSBC – Catch the Drop kien parti mill-programm annwali SkolaSajf li jieħu ħsieb tfal u żgħażagħ bejn it-3 u s-16-il sena.
Din is-sena, b’kollaborazzjoni mal-MEUSAC, il-kampanja HSBC Catch the Drop organizzat żewġ ċentri ta’ SkolaSajf. Darba fil-ġimgħa fil-Fortress Building, fil-belt Valletta, u tnejn oħra fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti, fil-Floriana, b’kollaborazzjoni mal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti u ċ-Ċentru ta’ Riżorsi tal-Università ta’ Malta. Il-programm dam għaddej għal ħames ġimgħat.
Matul dawn is-sessjonijiet, l-istudenti tgħallmu dwar il-kwalità tal-ilma u kif tvarja skont is-sors. Esperimenti urew livelli ta’ purità ta’ tliet tipi differenti ta’ ilma, fosthom ilma mill-vit, għadajjar u ġibjuni.
Il-kampanja żaret ukoll numru ta’ ċentri u offriet workshop tal-arti u workshop tal-mużika. Is-sessjonijiet tal-arti tmexxew mill-artist Luca Cauchi li jirrappreżenta l-assoċjazzjoni École d’art au village (Edaav). Is-sessjonijiet tal-mużika tmexxew minn Maria Abdilla u Roberta Magri u ppreżentaw il-kanzunetti tal-Programm tal-Ilma tal-HSBC – Catch the Drop, ‘Water Life’ u ‘Catch the Drop’. Dawn iż-żjarat damu għaddejjin fuq ħames ġimgħat.
F’Għawdex, sar programm ta’ sagħtejn f’Manresa House fil-Munxar għall-parteċipanti kollha ta’ SkolaSajf 2017. Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, attendiet l-attivitajiet sponsorjati mill-HSBC u saħqet li għandna nedukaw il-ġenerazzjoni li jmiss dwar l-importanza li jibżgħu għall-ilma u li jqisuh bħala riżorsa nazzjonali vitali.
Matul iż-żjarat ta’ SkolaSajf, il-kampanja għenet biex ittejjeb il-ħiliet tal-istudenti ta’ kif isolvu problemi u jaħdmu flimkien bħala tim permezz ta’ ktieb ġdid imsejjaħ “Catch the Drop”. Il-ktieb hu riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn l-istudenti mill-Iskola Sekondarja Maria Reġina tal-Mosta (Żokrija), l-artist Andrea Delicata, u l-youth worker Anna Maria Grech.
L-iskejjel kollha f’Malta u Għawdex irċevew kopji tal-ktieb. Il-ktieb jista’ jitniżżel mill-pubbliku mingħajr ħlas mis-sit: https://issuu.com/karusuflusu/docs/catch_the_drop_pdf
Il-programm ta’ SkolaSajf hu organizzat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) u joffri lit-tfal f’Malta u Għawdex l-opportunità li jagħmlu l-aħjar użu mill-vaganzi tas-sajf tagħhom.