L-uġigħ ta’ ras tal-qtates barra – One News

Notifiki

L-uġigħ ta’ ras tal-qtates barra

  • GĦAL MIN ŻVOG U GĦAL MIN SORS TA’ ĦMIEĠ
  • SINDKI JIFHMU LIL MIN JINDUKRAHOM, IŻDA JRIDU LI TINŻAMM L-INDAFA
  • JEŻISTU MADWAR NOFS MILJUN QATTUS JIĠRU BARRA

Tmur kull fejn jinżammu l-annimali ssib kartelluni: Titmax lill-annimali; Don’t feed the animals. Dan għax l-annimali jkunu kkurati. Iżda nibet numru ta’ nies li ta’ kull filgħodu u filgħaxija, daħħluha f’moħħhom li joħorġu jitimgħu lill-qtates mitluqa, li ma jridhom ħadd. Taqbel li dan għandu jibqa’ jsir wara l-bibien tan-nies u postijiet pubbliċi?

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Emanuel Buhagiar qal li fil-gżejjer Maltin hawn madwar nofs miljun qattus/a jiġġerrew fit-toroq jew f’xi santwarju jew Cat cafés fil-ftit li jeżistu.

“Ħafna nies Maltin u barranin, iħobbu l-annimali u sintendi dawn jitimgħuhom u fejn jippermetti jipprovdulhom ukoll kenn b’kennels tal-injam f’xi biċċa art li ma tkunx qed tintuża jew ukoll f’xi parapett ta’ darhom. Pajjiżna huwa żgħir wisq u sintendi għal kull ħaġa li tiġri jew issir, dejjem kważi sejjer ikun hawn min jaqbel jew ma jaqbilx,” jgħid Buhagiar.

Fil-fatt, is-Sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech, tikkonferma kif din hi sors ta’ kontroversja fil-lokal li tmexxi hi. “Safejn naf jien, jingħad li hemm liġi, li aktarx saret meta kien hawn ħafna klieb jiġġerrew fit-triq, fejn min jitmagħhom fit-triq irid jistenniehom jieklu u jnaddaf warajhom. Illum, il-klieb mitluqa naqsu ferm u flokhom qed insibu l-qtates. Iżda l-ikel żejjed li jingħataw, jew li ma jiklux ukoll għandu jitnaddaf, l-aktar jekk jiġu mitmugħin wara l-bibien tan-nies u fil-ġonna pubbliċi,” tgħid Debono Grech.

 Iżżid li tassew li hawn min iħobb il-qtates, iżda tinsisti li jekk ma jkunux miżmuma f’daru u allura jitmagħhom barra fit-triq, għandu jnaddaf warajhom. “Din tal-indafa nħoss li għandha ssir, inkella l-istess qtates se jkunu l-iskop li jwasslu aktar ġrieden għall-fdal tal-ikel tagħhom. Nemmen ukoll li l-problema tal-qtates qiegħda tikber ħafna u sar hawn numru mdaqqas ta’ nies li jgħidu li jħobbuhom. Tant li meta tiġi biex tittieħed azzjoni; bħal meta tiġi biex tneħħi xi kaxex minn xi post pubbliku, jippretendu li ma għandniex nagħmlu dan. Ftit ilu dan kollu ġara lilna u xi individwi ġew il-Kunsill bi protesta. Iżda ma jistax ikun li jkollna ġonna pubbliċi kif mixtieqa bil-kwantità ta’ qtates li jkun fihom, għax jingħad x’jingħad, jekk l-annimali ma jkunux indukrati, iġibu ħmieġ, telqa u briegħed. U jekk inħallu lil dawn il-qtates kollha anki f’żoni ta’ rikreazzjoni, jista’ jmur xi tifel jew tifla u jieħdu xi infezzjoni minnhom,” qalet Debono Grech.

Il-Kummissarju Buhagiar innota kif fis-snin li għaddew, il-gvernijiet ħasbu ftit jew wisq biex isir titjib fiż-żamma tal-annimali u wħud mill-inizjattivi li saru kienu t-tiswijiet tal-klieb u l-qtates li jiġġerrew barra fit-toroq u dan sabiex tiġi kkontrollata l-popolazzjoni tagħhom. “L- NGO’s li jaħdmu mal-annimali u dawk in-nies li volontarjament jitimgħu lill-annimali tat-triq jieħdu wkoll ħsieb li dawn il-qtates jissewwew ukoll,” qal Buhagiar.

Għal din il-mistoqsija Davina Sammut Hili, Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Furjana, għandha esperjenza pożittiva x’tirrakkonta. “Il-Kunsill Lokali tal-Furjana għandu diversi cat cafés li jieħdu ħsiebhom voluntiera, waqt li nikkonferma li r-residenti partikolarment l-anzjani jħobbuhom sew. Sal-lum ma nafx li saru lmenti dwar il-qtates u/jew il-ħmieġ li jista’ jinġabar wara li jiġu mitmugħa. L-ilmenti dwar il-qtates li saru u li qed isiru sa riċentement huma li dawn l-annimali qed jiġu maqtula b’avvelenament.   Il-Kunsill jikkunsidra li l-qtates huma pest control naturali u effettiv li jikkontrollaw il-ġrieden, firien u insetti bħall-wirdien kemm fit-toroq kif ukoll fil-ġonna,” tgħid Sammut Hili.

Temmen li bl-iskuża li jitimgħu lill-qtates, bosta individwi qed jaslu jħammġu l-ambjent, l-aktar għax qatt ma tarahom inaddfu l-fdal tal-ikel li jitimgħu lill-qtates u l-post jimtela bid-dubbien? Xi tħoss li għandek tagħmel bħala Kunsill?

Għas-Sindku ta’ Santa Luċija, Terence Ellul, il-problema mhix f’li titma’ lill-annimali li qed jiġġerrew barra. “Jien naqbel ma’ nies li jiġu jitimgħu lill-annimali għax dawn, fl-aħħar mill-aħħar iridu jieklu u aħjar milli jsibu xi borża żibel u jqattgħuha biex jiekluminnha,” qal is-Sindku.

Naturalment mhux kulħadd iġib ruħu kif xieraq u hawn jinħoloq il-kunflitt. “Il-problema hi li mhux kulħadd juża l-edukazzjoni kif suppost. Pereżempju Santa Luċija tiġi persuna minn barra l-lokal biex titma’ lil dawn il-qtates, iżda din toqgħod hemm sakemm jikluh biex terġa’ tieħu kollox lura magħha. Imma mbagħad issib xi nies li jiġu bil-karozza u tarahom jaqilbu borma tilqit milli jkun fadlilhom fuq il-bankina u jitilqu ’l hemm. Imbagħad nibdew bid-dubbien ġej minn kullimkien ġrieden u balla insetti. Allura ma tistax ma twaħħalx tabelli biex ma jitfgħux ikel. Ghax fl-aħħar mill-aħħar ħadd ma jieħu pjaċir jara xi ġurdien wara l-bieb tad-dar tiegħu jew xi miżbla għad-dannu ta’ ħaddieħor li għalih mhux li ġie jitma’ lill-annimali iżda li jkun ħeles mill-imbarazz li jkollu,” qal Ellul.

Iżżid miegħu Debono Grech.  “Pereżempju għandna ċertu sqaq fejn ta’ kuljum imorru nies jitimgħu lil kwantità kbira ta’ qtates tat-triq umbagħad jiġu għandna l-anzjani li joqogħdu fl-istess sqaq biex jirrappurtaw li l-qtates qed iħammġulhom fil-parapetti. Barra minn hekk nedejna kampanja u fejn stajna għamilna qsari biex insebbħu l-ambjent. Peress li l-qtates jitilgħu fihom u jħammġu, qerdulna l-pjanti kollha. U spiċċajna li residenti li la għandhom qtates u lanqas jitimgħuhom, ikollhom inaddfu ta’ kuljum warajhom u wara min imur jitmagħhom fl-istess sqaq,” żiedet is-Sindku Karkariża li nnotat kif f’Birkirkara hemm ukoll min qed jaqbad il-qtates u joħodhom biex isewwihom, iżda sakemm jinqabdu, fiha biċċa xogħol.

“Kieku dawn il-qtates ma jdejqu lil ħadd bil-ħmieġ tagħhom, ma jkun ġara xejn, iżda għandi rapporti minn bosta residenti, fosthom ukoll sidien ta’ garaxxijiet taħt l-art, li kuljum qed isibu l-ikel imxerred fl-art u l-ħmieġ wara l-bibien tagħhom. Dan kollu għax min jagħtihom l-ikel mhux jara li jżomm l-ambjent nadif,” issoktat tilmenta Debono Grech li tinnota kif f’Birkirkara l-esperjenza mhix pożittiva bħalma per eżempju hi skont is-Sindku tal-Furjana.

F’numru ta’ ġonna pubbliċi dawn il-qtates għamlu l-ġust u l-ġonna mhumiex iservu għall-veru skop tagħhom. Dan billi llum il-ġurnata, il-qtates ma jitmattrux fl-art jew fil-ħamrija, iżda saru jikkapparraw il-bankijiet tal-poplu. Tinħass kuxjenza fuq dan?

 

Għal din il-mistoqsija Emanuel Buhagiar, semma l-inizjattiva tal-cat cafés. “Jien nemmen ħafna fl-inizjattiva li għamel il-Gvern dan l-aħħar sabiex jgħin finanzjarjament lill-Kunsilli Lokali jagħmlu cat cafés fil-lokalità tagħhom fejn jippermetti u tali qtates jinġabru hemm u jkun hemm min jieħu ħsiebhom f’dan il-post ikkontrollat. Ħadd ma għandu jħalli ħmieġ warajh jew ikel żejjed meta jitma’ lill-qtates u għaldaqstant min iħammeġ barra, ikun qed jikser il-ligi. Jien inħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali sabiex isibu biċċa art fil-lokalità tagħhom u jagħmlu cat café u jitolbu l-għajnuna skont kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-Gvern f’paġna 122 tad-Drittijiet tal-Annimali artikli 38 u 39,” tenna Buhagiar.

Anthony Chircop, Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema indika li l-lokalità tiegħu se tkun fost dawk li jieħdu inizjattiva simili. Dan wara li staqsejnieh dwar il-fatt li Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema spiċċa bil-bankijiet ikkapparrati mill-qtates. “Fil-fatt, aħna wkoll kontra li dawn il-qtates ma jibqgħux fuq dawk il-bankijiet taħt l-umbrelel il-blu. Li ser ikun qed jiġri hu li dawn ser jitneħħew dalwaqt minn hemm, u ser nagħmlu bħal cats café f’parti mill-ħamrija tal-ġnien, taħt siġra għall-kenn. Dan bħala parti mit-tisbiħ li qed isir f’dan l-istess ġnien,” qal Chircop.

Is-Sindku kompla jagħmilha ċara li l-qtates fil-ġnien ma jdejquhx. “Ħafna jsibuhom ta’ mistrieħ, u naf  b’ħafna ġenituri li jniżżlu lit-tfal jaraw u jilagħbu mal-qtates għax ma jistgħux iżommu pet fid-dar,” qal is-Sindku.

“Aħna bil-ħsieb li l-bankijiet li semmejt int jitneħħew il-qtates minn fuqhom dis-sena, u l-istess bankijiet jerġgħu jintużaw min-nies,” qal Chircop li nnota kif ix-xogħol ta’ bħalissa fil-ġnien għandu jitlesta sa tmiem din is-sena u l-proġett li jmiss se jkun l-irranġar tal-canopies  u l-umbrelel li fih il-ġnien.

Is-Sindku ta’ Santa Luċija jirrakkonta esperjenza kemxejn differenti. “Rigward il-qtates fil-ġonna pubblici, s’issa f’Santa Luċija qatt ma kellna minn dawn. Biex nippruvaw intaffu naqra minn din il-problema kellna nwaħħlu tabella, iżda dik il-persuna li dejjem kienet edukata xorta għadha tiġi u ħadd qatt ma qalilha xejn, għax dejjem naddfet warajha,” qal Ellul.

 

Xi snin ilu kienet għaddiet by-law li min jinqabad jitma’ lill-ħamiem fil-Belt Valletta jeħel multa. Tħoss li għandu jsir l-istess fir-rigward ta’ ikel lill-qtates mitluqin ma’ Malta kollha?

 

Is-Sindku ta’ Santa Luċija aktar jemmen li għandu jkun hemm għassa għal dawk il-persuni li mhumiex edukati u min jinqabad jarmi l-fdal tiegħu bl-iskuża li qed jitma’ lill-annimali, jiġi mħarrek u mmultat. “Biżżejjed għandna nies li joħroġu lill-annimali tagħhom jagħmlu dawra; iħammġu u ma jiġbrux il-ħmieġ kif suppost, basta bil-borża mdendla maċ-ċinga,” qal Ellul.

Emanuel Buhagiar, jagħmilha ċara li ma jaqbilx. “Jien ma nemminx f’xi by-law li tgħid biex qtates ma jiġux mitmugħa f’xi lokalità, iżda kif spjegajt, nemmen li għandu jkun hemm prudenza minn min jitma’ lill-qtates fit-toroq u sintendi l-Kunsilli Lokali jibdew jagħmlu xi ħaġa f’dan ir-rigward u jsibu art fejn isir cat café,” qal il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.

Jemmen li b’dan il-mod il-qtates fit-toroq jonqsu u ma jiġux imtajra minn xi vetturi, jiġu msewwija, ikkontrollati u kkurati għal saħħithom ukoll. “Inizjattiva bħal din tintlaqa’ tajjeb żgur, kemm minn min iħobbhom u kemm minn dawk in-nies li għal xi raġuni jiddejqu bihom. Mahatma Gandhi jgħid li ‘The Greatness of a Nation and its moral progress can be judged by the way its animals are treated,’” qal Buhagiar.

Stephen Sultana, is-Sindku ta’ Santa Venera jgħid li diment li wieħed jitma’ annimal mhu qed jagħmel xejn ħażin. Il-ħażin isir meta min jitma’ ma jnaddafx warajh.

Għalhekk irid ikun hemm infurzar strett mill-Green Wardens għal kull min jabbuża. Mhux fil-każ tagħna żgur li le – anzi hemm il-ħsieb li ’l quddiem, meta jkun hemm fondi neċessarji, il-ġnien ikun mgħammar ukoll b’santwarju għalihom.

Għandna nies iddedikati li mill-ħin volontarju tagħhom u minn flushom, jitimgħuhom, jindukrawhom u jieħdu ħsiebhom u nies hekk għandna nibżgħu għalihom. Il-by-law għandha tiġi introdotta għal min jinqabad iħammeġ b’mod irresponsabbli u ma jnaddafx wara.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend