185 unjoni ċivili fi tliet snin – One News

Notifiki

185 unjoni ċivili fi tliet snin

  • MISTENNIJA BIDLIET MILL-KOPPJI GĦAŻ-ŻWIEĠ

Fl-aħħar tliet snin kien hemm 185 koppja li daħlu f’unjoni ċivili. Il-maġġoranza ta’ dawn il-koppji huma persuni gay li din il-liġi tal-2014 kienet tathom l-opportunità li jingħaqdu f’unjoni ċivili bid-drittijiet taż-żwieġ.

Però issa dawn il-koppji se jkollhom iċ-ċans jingħaqdu fiż-żwieġ wara li iktar kmieni din is-sena l-Parlament, fuq inizjattiva tal-Gvern, bidel il-liġi taż-żwieġ biex għamilha waħda għalkollox ugwali. Dan ifisser li għalkemm se tibqa’ l-fakultà li wieħed jidħol f’unjoni ċivili, l-użu ta’ din il-liġi mistenni jonqos ħafna għax il-bidla fil-liġi taż-żwieġ offriet ugwaljanza assoluta.

Minn dawn il-185 unjoni ċivili, 20 kienu ċċelebrati barra l-pajjiż, b’waħda jew wieħed mill-partijiet ikun ċittadin Malti. Fl-ewwel ftit xhur wara li daħlet il-liġi f’April 2014 kien hemm 28 li daħlu f’unjoni ċivili, u 50 daħlu fl-2015, fl-2016 daħlu 60 persuna f’unjoni ċivili u din is-sena diġà kien hemm 47 ċelebrazzjoni ta’ unjoni ċivili.

Issa bil-bidla fil-liġi, li daħlet fis-seħħ nhar il-Ġimgħa, dawn il-persuni se jkunu jistgħu jibdlu l-unjoni ċivili fi żwieġ. Fi kliem il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, dan hu pass importanti ħafna. Dalli iddeskriviet din il-liġi bħala pass ieħor lejn li jkollna soċjetà ugwali u li permezz tagħha l-Gvern kompla jneħħi aktar diskriminazzjoni, ħafna minnha ġejja mill-preġudizzji. “Permezz ta’ din il-liġi għandna soċjetà aktar inklussiva u aktar nies jistgħu jgħixu ħajjithom ta’ ċittadini bid-drittijiet u l-obbligi kollha,” saħqet Dalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend