U b’rabta mal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit NAzzjonalista fis-servizz li jmiss naraw ftit min huma dawk li għandhom dritt jivvotaw għada u għaliex anke dwar hekk jinħolqu l-kunflitti.
Fl-aħħar jiem membri ta’ kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista lmentaw dwar il-fatt li m’għandhomx vot fil-Kunsill Ġenerali tas-Sibt.
Kien hemm min staqsa kif jista’ jkun, iżda dawk li jafu kif jaħdem il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spjegaw ma’ ONE NEWS li s-sistema ta’ kif jinħatru l-membri tal-Kunsill Ġenerali hi waħda li tati lok għal dawn it-tip ta’ problemi.
Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għandu madwar elf u mitejn membru.
Dan huwa kompost mill-membri tal-eżekuttiv tal-partit, il-grupp parlamentari, kunsilli lokali u membri tal-Kumitati Amministrattivi, rappreżentanti tal-kumitati sezzjonali u l-lokalitajiet u l-kumitat reġjonali ta’ Għawdex u t-taqsimiet fosthom tan-nisa u ż-żgħażagħ.
Membri wkoll il-kandidati fl-aħħar elezzjoni ġenerali, fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dawk kollha li servew bħala membri tal-parlament, MEPS, u uffiċjali tal-partit.
Iżda, huma r-rappreżentanti tal-lokalitajiet l-iktar li għandhom membri.
Hawn isir dak li joħloq il-kunflitt. Kull lokalità jrid ikollha kunsillier għal kull ħames mitt votant fl-elezzjoni ta’ qabel biex lokalitajiet kbar ikollom iktar rappreżentanti.
Dawn il-kunsillieri jintgħażlu b’mod dirett mill-kumitati sezzjonali u għalhekk ma jonqsux il-kwistjonijiet dwar jekk l-għażla kienet ġusta u dwar jekk kienx hemm logħob minn dawk li fil-partit ikollhom il-kontroll tal-affarijiet.
Li hu żgur hu li l-mod kif intgħażlu din id-darba wassal biex membri tal-istess kumitati sezzjonali baqgħu barra u nibtet l-allegazzjoni li madwar mitejn membru tal-Kunsill Ġenerali baqgħu mingħajr id-dritt tal-vot.
Allegazzjoni li sa issa la kienet spjegata u lanqas miħċuda mill-Partit Nazzjonalista.