Il-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM), flimkien mal-Għaqda tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ fi stqarrija avżaw lil pubbliku li l-persuni neqsin mis-smigħ għandhom jiġu pprovduti servizz professjonali ta’ interpretu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija fuq firxa ta’ sitwazzjonijiet li jinkludu edukazzjoni, xandir, media, qrati, u fil-ħajja politika, amministrattiva, ekonomika, soċjali u kulturali.
Kull min jipprovdi servizz jew għandu impjegati neqsin mis-smigħ, huwa obbligat bil-liġi li jipprovdi interpretu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, meta jiġi mitlub. Dan skont il-liġi tal-għarfien tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija mgħoddija fis-16 ta’ Marzu, 2016 mill-Parlament (ATT Nru XVII tal-2016). Li jiġi provdut servizz ta’ interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija jiżgura li persuni neqsin mis-smigħ ikollhom l-istess aċċess għall-informazzjoni u komunikazzjoni daqs persuni li jisimgħu. InterpretI tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija jaqilbu l-lingwa mitkellma (Malti jew Ingliż) għal-lingwa tas-sinjali, u viċi-versa.
Hemm tmien interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija f’Malta, li huma rikonoxxuti, kemm mill-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali, kif ukoll mill-Għaqda tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ. Ħamsa huma mpjegati mill-Aġenzija Sapport u joffru s-servizzi tagħhom f’ħafna sitwazzjonijiet mingħajr ħlas. Hemm ukoll interpreti ‘freelance’ li jipprovdu servizz bil-ħlas.
Is-ervizz ta’ interpretu jista’ jiġi bbukkjat mill-Aġenzija Sapport fuq sli.sapport@gov.mt / 79005988 jew ‘freelance’ fuq sign.interpreting@gmail.com