Żagħżugħ ta’ 25 sena minn Ħal Qormi ntbagħat tliet snin ħabs wara li ammetta li kien qed jittraffika l-ecstasy, il-kokaina u l-eroina. Dan fl-istess żmien li kien fuq probation.
Il-każ seħħ is-sena l-oħra meta Wayne Said inqabad mill-Pulizija jirċievi l-flus u jagħti xi ħaġa oħra lil diversi persuni li kienu għaddejjin bil-karozza. Filfatt meta saret it-tfittxija nstab li kellu droga fil-but tal-qalziet ta’ taħt u flus kontanti f’pakketti tas-sigaretti.
Fil-Qorti l-Maġistrat semgħet kif fiż-żmien li qatta fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin Said ħadem fil-kċina kif ukoll għamel kors tal-food handling. Mhux biss, kien qed jippjana biex iġib liċenzja biex jikkontribwixxi fin-negozju tal-familja filwaqt li kien innutat li kkopera mal-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Minnbarra tliet snin ħabs, Said kien immultat elfejn u seba mitt ewro u seba’ xhur ħabs talli wettaq ir-reat waqt li kien fuq probation. Kien ordnat iħallas elfejn u ħames mitt ewro għal spejjeż tal-esperti.