Is-Siġġiwin fil-muża – One News

Is-Siġġiwin fil-muża

Is-Siġġiwin jinsabu fil-muża tal-arti. Proġett bejn entitajiet diversi ħa l-arti fil-qalba tar-raħal.  Fil-fatt, il-proġett MUŻA kompla joħloq aktar għarfien dwar u passjoni għall-arti permezz tal-kollezzjoni li tinsab fil-mużew li jġib l-istess isem.

“Flimkien ma’ Kristina Borg mill-Fondazzjoni Valletta 2018, ħassejna li jekk nies mill-komunità għal diversi raġunijiet isibuha diffiċli sabiex imorru jaraw il-kollezjonijiet tal-arti fil-Mużew, għandna nagħmlu sforz sabiex inġibu l-arti fil-komunità,” qalilna Clayton Cutajar, il-Kunsillier responsabbli minn dan il-proġett.

F’dan il-proġett jieħdu sehem diversi group leaders u li dawn jiġu magħżula mill-kordinaturi prinċipali tal-proġett. Kif spjegalna Cutajar in-nies ma ntgħażlux fuq bażi artistika. Pjuttost xtaqu jwasslu messaġġ li l-arti hi għall-kulħadd. “Iddeċidejna li ngħażlu dawk li jissejħu Community Leaders, nies li għandhom irwol attiv fis-Siġġiewi li jistgħu jinfluwenzaw aktar nies għax jagħmlu xogħol fil-komunità, kemm jekk fl-iskola primarja, f’xi għaqda jew każin pereżempju.”

“Hekk kif ġejt ikkuntattjat sabiex nipparteċipa f’dan il-proġett, għidt iva mingħajr tlaqliq u dan għal diversi raġunijiet,” spjegalna Hendrick Nicholas Magro, gradwat fil-Baċellerat tal-Liġi li pparteċipa f’dan il-proġett.  L-arti u l-kultura huma żewġ elementi li għalkemm kultant jintnesew, għad għandhom valur importanti ħafna fis-soċjetà Maltija. Magro ħass li l-parteċipazzjoni tiegħu kienet ser tkun mezz ta’ kif hu wkoll seta’ jikkontribwixxi sabiex jitrawwem aspett artistiku ġdid; kemm ġewwa s-Siġġiewi, kif ukoll lil hinn.

“Dan il-proġett kien differenti minn proġetti oħra fuq diversi livelli. Huwa rari li tiltaqa’ ma’ group leaders oħra mil-lokalità tiegħek sabiex tiddiskuti materja bħal ma’ hija l-arti. Barra minn hekk, sirna nafu aktar lil xulxin u lill-gruppi u l-istrati differenti tas-soċjetà li naħdmu fihom. Dan il-proġett, għalhekk ma kienx biss mezz ta’ kif inkomplu naqsmu l-muża artistika u kulturali, iżda wassal ukoll għal esperjenza waħdanija u ħolistika mal-ħajja Siġġiwija.”

“Għażilt pittura li turi l-Familja Mqaddsa f’pajsaġġ naturali.  F’ġenb minnhom, wieħed jista’ jara x-xbieha ta’ Sidtna Marija, liebsa libsa ħamranija, bil-Bambin Ġesù fuqha. Jidher ukoll San Ġużepp. Fuq wara tax-xenarju jidhru ukoll tliet Anġli, flimkien ma’ żewġ persunaġġi oħra. L-isem tal-pittura huwa fil-fatt Holy Family in a Landscape tas-Circle of Mastelletta.”

Din il-pittura fiha diversi elementi li huma wkoll sinonimi mas-Siġġiewi. Magro sema’ li l-aspett l-aktar li jispikka f’din il-pittura huwa l-pajsaġġ naturali. Is-Siġġiewi għadu mżewwaq sal-lum b’pajsaġġi simili, u għalkemm dan ir-raħal jinsab fi proċess kontinwu ta’ żvilupp, huwa importanti li wieħed jagħraf is-sbuħija tan-natura, ir-raba’ u l-ibħra tal-madwar.

Riproduzzjoni tal-pittura imsemmija tinstab installata ġewwa l-pjazza prinċipali tas-Siġġiewi, proprjament mal-faċċata tal-Każin Banda San Nikola. Dan il-post fih innifsu huwa sors ewlieni u kontinwu t’arti, mużika, kultura u edukazzjoni fis-Siġġiewi, post li jipprovdi t-tagħlim tal-mużika filwaqt li jgħaqqad diversi żgħażagħ u adulti fil-preparamenti għall-festa ta’ San Nikola, fost attivitajiet oħrajn.

Din il-pittura għalhekk ser tfakkar lil dawk kollha li jgħaddu minn ħdejha f’elementi Siġġiwin. L-istess ħaġa jista’ jingħad għall-elementi tal-familja u r-reliġjon. Il-knisja, kemm bħala bini, kif ukoll bħala element soċjali, għadha sal-lum integrali fil-ħajja Siġġiwija.

L-arti, min-natura tagħha, dejjem tqanqal diversi reazzjonijiet. Xejn anqas ir-riproduzzjonijiet li saru permezz tal-proġett ‘Naqsam il-Muża’ u li tpoġġew madwar is-Siġġiewi. “Naħseb li d-diversi reazzjonijiet tad-diversi individwi li jiltaqgħu ma’ dawn ir-riproduzzjonijiet huma impatt intelletwali fih innfisu u li qiegħed jolqot lis-Siġġiwin b’mod dirett. Aktar minn hekk, b’konsegwenza ta’ dan kollu, komplejna nżewqu r-raħal tagħna b’kuluri u forom t’arti pubbliċi u differenti,” kompla Magro.

Cutajar stqarr li għas-Siġġiewi dan il-proċess ifisser ħafna. “L-arti hi importanti ħafna fis-seklu 21. Mal-arti hemm msejsa l-kreattività li hi ħila importanti ħafna llum il-ġurnata u nħoss li apparti passjoni u għarfien lejn l-arti, ir-residenti jistgħu jirriflettu u japprezzaw l-importanza tal-kreattività fil-ħajja ta’ kuljum, permezz ta’ tfakkira kostanti fit-toroq tas-Siġġiewi.”

Il-proġett ġie kkordinat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Heritage Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend